Coronavirus Lokali Saħħa

Il-PN jtenni l-appell tiegħu biex ikun hemm iktar serjetà u trasparenza fil-mod kif qed tkun immaniġġjata l-imxija

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ttenni l-appell tagħha biex ikun hemm iktar serjetà u trasparenza fil-mod kif qed tkun immaniġġjata l-pandemija, fid-dawl ta’ twissijiet regolari minn tobba, speċjalisti fil- kamp mediku u xjentisti minħabba l-pressjoni qawwija fuq is-servizzi tas-saħħa, nkluż fuq is-servizzi u u l-kura li jingħataw.

Il-Kelliem tal-PN għas-Saħħa, Stephen Spiteri qal li ż-żieda fin-numru ta’ każijiet attivi tal-COVID-19 kif ukoll proċess ta’ contact tracing mhux effiċjenti jagħtu lok għal inkwiet u tħassib. Il-Gvern għandu jirregola din is-sitwazzjoni mill-iktar fis u jdaħħal miżuri biex itejjeb il-kontroll ta’ mezzi eżistenti. Il-Gvern għandu wkoll l-obbligu li jara li jkun hemm aktar infurzar fejn jinħtieġ sabiex is-saħħa pubblika tkun imħarsa.

L-Oppożizzjoni tirrijafferma li għandu jkun hemm aktar serjeta’ u trasparenza fl-immaniġġjar ta’ din il-pandemija. Ma nistgħux naljenaw lin-nies daqs li kieku l-programm ta’ vaċċinazzjoni huwa l-uniku mezz ta’ kontroll fis-sitwazzjoni preżenti. L-Oppożizzjoni ttenni l-appell li l-ispiżeriji fil-komunita’ jkunu involuti fil-programm ta’ vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 u dan bl-iskop li jkun hemm iktar effiċjenza fid-distribuzzjoni tal-vaċċin, b’mod speċjali għall-anzjani u għall-vulnerabbli.

Din hija miżura li għandha tgħin sabiex ikun hemm progress fil-kontroll tal-firxa tal-virus f’iqsar żmien.