Internazzjonali

Indja: Konfront ieħor bejn suldati Indjani u Ċiniżi tul il-fruntiera kuntestata

Irrankat mill-ġdid it-tensjoni bejn l-Indja u ċ-Ċina wara li t-truppi taż-żewġ pajjiżi rivali kienu involuti f’konfront ieħor qalb zona tal-fruntiera kuntestata – u fejn kienu rappurtati l-midruba fuq iż-żewġ naħat.

L-aħħar inċident seħħ fit-Tramuntana ta’ Sikkim, bl-Armata tal-Indja, fl-aħħar sigħat, issostni l-inċident ma ħalliex daqstant konsegwenzi sinifikanti.

L-istess kelliema qalu wkoll li l-kwistjoni, issa, spiċċat ‘solvuta’.

Madankollu il-livell tat-tensjoni għadu gholi tul l-itwal fruntiera tad-dinja li qed tkun ikkuntestata mill-pajjiżi b’għanijiet diversi – f’dan il-każ l-Indja u ċ-Ċina.

Dan meta l-Indjani u ċ-Ċiniżi qed jinsistu bid-dritt fuq zoni kbar ta’ dan it-territorju.

F’Ġunju li għadda, talanqas 20 suldati Indjani tilfu ħajjithom waqt battalja qalila ma’ truppi Ċiniżi f’Ladakh – li hi zona prinċipali ta’ din il-fruntiera.

L-Istat Indjan ta’ Sikkim jinsab bejn il-Bhutan u n-Nepal, xi 2,500 kilometru lejn il-lvant miz-zona ta’ Ladakh.

L-aħħar rapporti, intant, qalu li patrol ta’  suldati Ċiniżi ipprova jidħol fl-artijiet (fit-Tramuntana ta’ Sikkim) issorveljati mill-Indjani u fejn iċ-Ċiniżi spiċċaw jirtiraw ftit tal-ħin wara. Ingħad ukoll li ‘intużaw il-ġebel u l-injam’ waqt ‘il-konfronti bejn is-suldati, iżda ma kien hemm l-ebda sparaturi fl-inħawi.

Fl-istess ħin numru ta’ sorsi infurmati qablu li s-sitwazzjoni mal-fruntiera, issa, tinsab ‘mill-ġdid’ taħt kontroll.