Internazzjonali

It-Tajwan: Tħassib dwar l-inkursjonijiet tal-ajruplani tal-gwerra taċ-Ċina

L-analisti tas-sitwazzjoni bejn it-Tajwan u ċ-Ċina jemmnu li r-reġim komunista f’Beijing irid ‘jeżamina’  il-politika – u l-livell tal-appoġġ għat-Tajwan – min-naħa tal-President Amerikan ġdid, Joe Biden.

Iċ-Ċina tqis lill-gżira-Stat demokratika tat-Tajwan bħala ‘provinċja ribelluża’ tagħha u bit-Tajwaniżi jinsistu li għandhom id-drittijiet stabbiliti ta’ pajjiż sovran.

Sadanittant, qed ikomplu ‘il-provokazzjonijiet’ min-naħa taċ-Ċina fost rapporti dwar inkursjoni kbira oħra ta’ ajruplani tal-gwerra Ċiniżi fl-inħawi tat-Taiwan Strait għat-tieni jum konsekuttiv. L-aħħar inkursjoni kienet tinvolvi mal-15-il ajruplan u segwiet azzjoni simili, nhar is-Sibt, li wasslet għal twissija ċara min-naħa tal-Istati Uniti.

It-twissija kienet l-ewwel kumment pubbliku dwar it-Tajwan mindu Biden ħa l-poter fl-Istati Uniti u fejn id-Dipartiment tal-Istat Amerikan insista mill-ġdid li hu impenjat biex jgħin lit-Tajwan jiddefendi ruħu, f’każ li jkun neċessarju.

L-ajruplani militari taċ-Ċina kemm-il darba jtiru minn fuq l-ibħra internazzjonali bejn in-nofsinar tat-Tajwan u l-Gżejjer ta’ Pratas ( ikkontrollati mit-Tajwaniżi) fil-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar.