Lokali Qorti

Ix-xhieda ta’ Melvin Theuma differità wara li l-avukat tal-aħwa Degiorgio ikompli jisħaq fuq il-preżentazzjoni tar-recordings

Ir-ritorn fl-awla ta’ Melvin Theuma wara nuqqas ta’ seba’ xhur ntemm mingħajr ma huwa ta l-ebda xhieda. Dan minħabba l-oġġezzjonijiet legali tal-avukat difensur li sostna li mhux se jagħmel il-kontro-eżami tiegħu qabel ma jiġu preżentati r-recordings.

Dan wassal biex il-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia mhux biss jispiċċa ma jixhidx iżda lanqas biss jidħol fl-awla. Theuma kellu jiffaċċja l-kontro-eżami mill-avukati li jirrappreżentaw lit-tliet irġiel akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia, l-aħwa Degiorgio Alfred u George u Vince Muscat.

Madankollu l-Avukat William Cuschieri, li jirrappreżenta lil-aħwa Degirgio, insista li l-klijenti tiegħu ma jridux li l-kontro-eżami jipproċedi sakemm ma jiġux ippreżentati sett sħiħ ta’ recordings magħmula minn Theuma fil-Qorti.

Il-Qorti kienet irrifjutat dik it-talba l-ġimgħa li għaddiet, billi qieset xi wħud mir-recordings huma irrelevanti għall-proċeduri, f’deċiżjoni li wasslet lill-aħwa Degiorgio biex jgħidu kliem diżpreġġattiv fl-awla fil-konfront tal-Maġistrat Claire Stafrace Zammit u d-Deputat Avukat Ġenerali, anke jekk id-difiża qalet li dan ma kien minnu xejn.

L-Avukat Cuschieri baqa’ jirrifjuta li jagħmel il-kontro-eżami filwaqt li l-avukat ta’ Vincent Muscat, Marc Sant kien indispost. Dan ir-rifjut minn naħa tad-difiża ġiegħel liil-Qorti biex tiddiferixxi l-kontro-eżami għal l-Erbgħa, 3 ta’ Frar, meta l-Avukat Sant irid ukoll jindika jekk iridx jagħmel il-kontro-eżami lil Theuma.

L-Avukat Cuschieri qal ukoll li huwa ppreżenta kawża Kostituzzjonali kontra d-digriet tal-Maġistrat Stafrace Zammit fuq ir-recordings, liema kawża se tinstema’ quddiem l-Imħallef Grazio Merceica, u li għadha ma ġiet appuntata.

Theuma li baqa’ jistenna fil-kurituri tal-Qorti wara li kien imsejjaħ biex jixhed, huwa xufier tat-taxi kien ingħata maħfra presidenzjali u li kien aġixxa bħala intermedjarju biex jorganiżża l-qtil bejn allegatament li kien seħħ bejn in-negozjan Yorgen Fenech u l-allegati qattiela.

L-aħħar li deher fil-Qorti Theuma kien f’Ġunju 2020. Xahar wara, Theuma kien iddaħħal l-isptar wara li nstab fil-kamra tal-banju b’feriti magħmula b’sikkina fi griżmejh u l-istonku, fejn hu kien qal li ġew ikkaġunati minnu nnifsu.

Huwa kellu jixhed fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra Fenech l-għada ida spiċċa biex qatta x-xhur li għaddew jirkupra minn dik it-trawma medika. Huwa ġie msejjaħ biex jixhed wara li l-Qorti semgħet ix-xhieda mill-psikjatri li jissorveljaw il-kura tiegħu.