Janet Richard u Luke Farrugia rebħu l-unuri tal-Atleti tas-Sena fil-kategoriji rispettivi tagħhom f’ċerimonja organizzata minn Athletics Malta, filwaqt li Jordan Gusman u Benjamin Micallef ingħataw rikonoxximent għall-wirjiet eċċezzjonali tagħhom fl-isport matul is-sena.
F’ċerimonja li saret ilbieraħ fil-Cavallieri Art Hotel, l-assoċċjazzjoni nazzjonali tat rikonoxximent lil numru ta’ atleti fil-kategoriji rispettivi tagħhom.
Is-sena 2020 kienet memorabbli għall-atleti Richard u Farrugia li kisru rekords nazzjonali fejn Richard mhux biss kisret ir-rekord nazzjonali tal-400 metru b’ħin ta’ 54.06 sekonda, iżda għamlet dan wara 19 –il sena, b’ Tanya Blake tkun l-aħħar atleta li żammet dan ir-rekord.
Min naħa l-oħra Luke Farrugia kiser ir-rekord nazzjonali tad-‘discus’ b’żewġ metri, b’distanza ta’ 51.92 metri. Dawn l-atleti kisru dawn ir-rekords fl-isfond tar-restrizzjonijiet mdaħħla minħabba il-coronavirus.
Il-President ta’ Athletics Malta Andy Grech, faħħar il-viżjoni li għandha l-assoċjazzjoni sabiex tieħu l-isport ‘il quddiem filwaqt li wera l-apprezzament għall-ħidma li saret is-sena l-oħra. B’referenza għall-proġett ambizzjuz tal-Matthew Micallef St.John Stadium, Grech stqarr li dan il-proġett se jkun importanti sabiex jiżviluppaw aktar atleti fid-dixiplini rispettivi tagħhom.
Ir-rebbieħa fil-kategoriji tan-nisa : Jannet Richard fil-Kategorija Open, Claire Azzopardi fil-Kategorija ta’ taħt it-23 sena, Carla Scicluna fil-Kategorija ta’ taħt l-20 sena, Sarah Chouhal fil-Kategorija ta’ taħt it-18 –il sena, Michela Caruana fil-Kategorija ta’ taħt is-16 –il sena u Thea Shoemake fil-Kategorija ta’ taħt l-14 –il sena
Ir-rebbieħa fil-kategoriji tal-irġiel kienu: Luke Farrugia fil-Kategorija Open, Luca Martini fil-Kategorija ta’ taħt it-23 sena, Jacob El Aida Chaffey fil-Kategorija ta’ taħt l-20 sena, Graham Pellegrini fil-Kategorija ta’ taħt it-18 –il sena, Matthew Galea Soler fil-Kategorija ta’ taħt is-16 –il sena, Luca Gerada fil-Kategorija ta’ taħt l-14 –il sena, Jordan Gusman rebbieħ tat-Technical Achievement Open, Benjamin Micallef rebbieħ tat-Technical Achievement Open ta’ taħt it-23 sena u Antonio Flores rebbieħ tal-Unur Speċjali.
//= $special ?>