Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li kkaġuna feriti ħfief fuq żewġ irġiel u ħebb għal mara

Libjan ta’ 33 sena, residenti l-Ħamrun inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li nhar is-Sibt li għadda huwa ħebb għal żewġt irġiel u nġurja mara wara ġlieda fuq flus.   

Fares Hmein Sheibani Beaj ġie mixli li wettaq dan ir-reat fil-11.00 pm f’San Ġwann meta ħebb għal Mohammed Ali Lahderi, u għal Abdulmohaimen u li kkaġunalhom feriti ħfief.

Huwa ġie mixli wkoll li hedded lil Khaoula Tlili u li nġurja lit-tliet persuni. L-Ispettur Leeroy Balzan Engerer li ressaq lil Libjan qal li fit-23 ta’ Jannar huwa rċieva telefonata mill-Għassa ta’ San Ġiljan li kienet għaddejja ġlieda fi Sqaq is-Siġra San Ġwann fejn persuna kienet qed tiġi aggreditata fl-inħawi tar-residenza tagħha.

Dan qal li kien qed jiġi aggredit minn koppja b’b’sikkina bil-molla u beda jiwaddbu xi flixken tal-ħġieġ lejn il-propjeta tiegħu. Ftit wara waslet karozza fuq il-post fejn il-vittma qal li kienu huma li ħebbew għalih. Dawn inqabdu mill-Pulizija u ġew arrestati.

L-Ispettur Balzan Engerer qal li mara ma kellhiex x’taqsam mal-każ. Qal ukoll li l-ġlieda bdiet minħabba xi flus li kellhom jagħtu lil xulxin, u li l-akkużat għandu ordni minn Qorti oħra li bejn l-10,00 pm u s-6.00 am irid ikun id-dar.

Sheibani Beaj ġie mixli wkoll ma obdiex l-ordnijiet leġittmi tal-Pulzija u li kiser diversi provedimenti tal-Qorti u li sar reċidiv.  L-akkużat wieġeb mhux ħati u għamel talba għall ħelsien mill-arrest, li saret oġġezzjoni qawwija għaliha fuq il-bażi li diġa kellu ħelsien mill-arrest u ma obdiex, u dan apparti li jridu jixhdu tliet persuni. L-Avukat Anne Marie Cutajar deheret għall-akkużat.