Lokali Parlament

Kuntratturi se jkunu eżenti minn regoli dwar is-sigurtà

David Thake, PN

Id-deputat Nazzjonalista David Thake kkritika l-liġi dwar l-Awtorità dwar il-kostruzzjoni u qal li f’din il-liġi l-kuntratturi jistgħu jkunu eżenti mili jsegwu r-regoli tas-sigurtà.

Fil-parlament David Thake kkritika r-rifjut tal-Prim Ministru għal inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Miriam Pace u appella lill-Gvern biex iwettaq is-solidarjetà li l-Gvern kien espriema mal-familja Pace. Hu kompla li l-Prim Ministru m’għandux ħerqa jitratta l-mozzjoni għal inkjesta imressqa mill-PN.

Il-każ ta’ Miriam Pace ma kienx l-uniku wieħed għaliex kien hemm każi oħra fejn familji tilfu kollox minħabba inċidenti fil-kostruzzjoni. Fejn l-Istat żbalja għandu jkun hemm ir-rispett li jsir minn kollox biex ikun stabbilit dak kollu li ġara, sostna David Thake, li kompla li dawn l-inċidenti jseħħu mhux biss bi sfortuna jew minħabba li jipprova jiffranka fl-ispejjeż.

Hu tkellem dwar il-kuntratturi u qal li jekk dawn jaraw li l-aġenziji tiegħu qed jonqsu u jaġixxu bla ebda ċensura u konsegwenzi – anzi l-ministru jfarrak lil min ikisser u jfarrak fit-toroq – jkun hemm riperkussjonijiet.

Id-deputat Nazzjonalista sostna lil-Awtorità se twettaq Kodiċi Nazzjonali tal-Bini u l-Kostruzzjoni iżda jrid ikun speċifikat jekk dan hux se jtejjeb il-protezzjoni u s-sigurtà tar-residenti u tal-komunitajiet.

Hu kompla li jekk il-kodiċi jkun ħażin, il-liġi ma tkunx effettiva. Il-Gvern qed iħalli l-għażla li jkun hemm min ikun eżentat minn dawn ir-regoli, spjega David Thake, li kompla li l-Gvern qed jagħmel ukoll klawsola biex il-kuntrattur jirranġa u jkun eżenti mir-regoli.

Id-deputat Nazzjonalista staqsa jekk it-talbiet għall-eżenzjonijiet hux se jkunu ppubblikati u jekk il-ġirien hux se jkunu jafu li l-kuntratturi li qed jibnu ħdejhom humiex eżentati.

Dawn huma toqob fil-liġi; liġi li tista’ tfalli kif fallew liġijiet oħra li kien hemm. Hu staqsa jekk ir-Reġistru hux se jkun aċċessibbli fiżikament biex isir l-iskrutinju u għaliex m’hemmx rimedju quddiem it-tribunal jekk dan idum iktar miż-żmien speċifikat.

David Thake qal li d-dar hi r-refuġju għal kulħadd u sostna li l-poplu d-dritt li jkun imħares meta jkun ġo daru.