Edukazzjoni Knisja Lokali

L-applikazzjonijiet għad-dħul fl-iskejjel tal-knisja f’Malta u f’Għawdex

Ġew ippublikati r-Regolamenti għad-dħul għall-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex u ser jiftħu l-applikazzjonijiet għall-‘Applikanti Oħra’ għall-iskejjel tal-Knisja f’Malta, għas-sena skolastika li tibda f’Settembru li ġej.

In-numru ta’ postijiet fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta għall-‘Applikanti Oħra’ huwa ta’ 835. L-applikazzjonijiet għal dawn il-postijiet vakanti qed jintlaqgħu online mid-29 ta’ Jannar sat-12 ta’ Frar. L-applikazzjonijiet isiru fuq knisja.mt/applikazzjonijiet.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 7999 0224, 7951 5491 jew 7786 5241 jew jibgħat email fuq admissions@maltadiocese.org. Applikazzjonijiet tard jintlaqgħu fuq l-istess website bejn it-22 ta’ Frar u l-1 ta’ Marzu. Dawn l-applikazzjonijiet qed jintlaqgħu wara li f’Novembru li għadda ġew ippublikati r-regolamenti u wara li ntlaqgħu l-applikazzjonijiet tal-ewwel kriterju li jinkludu: tfal mid-djar tal-Knisja, dawk li għandhom ħuthom fi skola tal-Knisja, tfal tal-impjegati tal-iskejjel tal-Knisja, u studenti minn skola tal-Knisja bla kontinwità.

In-numru ta’ applikazzjonijiet tal-ewwel kriterju li ser jokkupaw post huwa ta’ 786. Għalhekk, minn total ta’ 1,621 post vakanti għas-sena skolastika 2021-2022, issa baqa’ 835 post għall-‘Applikanti Oħra’ (ara t-tabella f’paġna 2).

Il-proċess għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta jiddetermina d-dħul fl-ewwel u t-tieni sena kindergarten, fl-ewwel sena primarja u fl-ewwel sena sekondarja. Din is-sena hemm ftuħ ukoll fir-raba’ sena primarja għall-bniet.

Lista tad-dokumenti meħtieġa, il-ġranet meta wieħed għandu japplika u aktar dettalji jinsabu fir-Regolamenti għad-Dħul fl-iskejjel tal-Knisja fuq www.knisja.mt.

Id-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex huwa fl-ewwel sena kindergarten u fl-ewwel sena sekondarja. It-total ta’ postijiet li qed joffru l-iskejjel fl-ewwel sena kindergarten huwa ta’ 108 u fl-ewwel sena sekondarja huwa ta’ 144. Dawk tal-ewwel kriterju jsiru bejn il-5 ta’ Frar u l-15 ta’ Frar, u l-applikazzjonijiet tat-tieni kriterju jsiru bejn l-1 ta’ Marzu u t-8 ta’ Marzu. L-applikazzjonijiet isiru online fuq church.mt/gozoapplications.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 7999 0271 jew jibgħat email fuq gozo.admissions@maltadiocese.org.