Lokali

Mara arrestata wara serqa f’San Pawl il-Baħar

Mara ta’ 45 sena ġiet arrestata ftit tal-ħin biss wara li allegatament wettqet serqa fuq tliet anzjani, flimkien mat-tifel tagħha ta’ 13-il sena.

Il-każ seħħ ilbieraħ meta għall-ħabta ta’ nofsinhar, intalbet l-assistenza tal-Pulizija wara rapport li kienet qiegħda ssir serqa f’residenza fi Triq Sir Luigi Preziosi, San Pawl il-Baħar.

Fil-post marru l-Pulizija tad-Distret tal-Qawra, fejn mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li mara, li magħha kien hemm tifel minorenni, ħabtet il-bieb tad-dar u bdiet tittallab għal flus.

Waħda mit-tliet anjazni li kien hemm fir-residenza, fetħet il-bieb u daħlet ġewwa biex iġib xi flus, imma l-mara daħħlet warajha, ħatfet ammont ta’ flus li kien hemm fuq il-mejda, u flimkien mattifel ħarbu jiġru.

Il-Pulizija tar-Rapid Intervnetion Unit (RIU) bdew mill-ewwel bit-tfittxija għalihom u nofs siegħa wara nnutaw żewġ persuni li kienu jaqblu mad-deskrizzjoni li taw il-vittmi. Il-mara u t-tifel twaqqfu fi Triq l-10 ta’ Frar, San Pawl il-Baħar, saret tfittxija fuqhom u fuq it-tifel instabu l-flus misruqa.

Il-mara ġiet arrestata u mistennija titressaq il-Qorti mill-Pulizija tad-Distrett u tal-Iskwadra tarReati Maġġuri llum, għall-ħata tal-1030am, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia.

Il-Pulizija, bl-assistenza tal-Aġenzija Appoġġ, ħadet lit-tifel għand xi qraba.