Lokali Qorti

Melvin Theuma se jixhed illum wara assenza ta’ seba’ xhur


Melvin Theuma, il-middleman fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia mistenni jirritorna għal fuq il-pedana tax-xhieda illum biex ikompli bix-xhieda tiegħu wara assenza ta’ seba’ xhur.

Theuma ma baqax ikompli jixhed fil-Qorti wara li kien instab b’għonqu mħanxar u b’daqqiet ta’ sikkina fl-istonku u fuq il-polz f’dak li huwa allegat attentat ta’ suwiċidju tard filgħġaxija tat-Tlieta 21 ta’ Lulju li għadda.

Theuma kien iddaħħal l-isptar Mater Dei u spiċċa fit-Taqsima tal-Kura Intensiva wara li nstab f’għadira demm f’daru fis-Swieqi u kien f’Awwissu li huwa seta’ jlissen l-ewwel kelma minn fommu.

Minkejja li t-tliet Psikjatri li ħejjew ir-rapport dwar il-qagħda ta’ Melvin Theuma qalu li dan jista’ jixhed, huwa mifhum li l-vuċi tiegħu għadha mhux fil-mija fil-mija.

Għaldaqstant x’aktarx mhux se jkun possibbli li jixhed fit-tul minħabba li xorta għad għandu bżonn il-mistrieħ u l-vuċi tiegħu għada kemmxejn batuta.

Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, Thuema għandu jixhed fis-2.00pm fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra t-tliet irġiel akkużati li poġġew l-bomba li qatlet lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

George Degiorgio ta’ 55 sena, magħruf bħala “Ic-Ciniz”, Alfred Degiorgio ta’ 53, magħruf bħala “Il-Fulu” u Vincent Muscat ta’ 55 sena, magħruf bħala “Il-Koħħu” huma akkużati bil-qtil u numru ta’ akkużi relatati ma’ splussivi.

Theuma kien xehed fil-Qorti b’mod ddettaljat fejn kien tenna kif kien ordnat minn Yorgen Fenech biex jikkummissjona l-qtil fejn skont hu Fenech kien qallu,. “Irrid noqtol lil Daphne “, xi ħaġa li Fenech stess qed jiċħad bl-avukati tiegħu jsostnu li Theuma mhux kredibbli u li qatt ma kellu jingħata l-proklama.

Melvin Theuma diġa rrakkonta s-sekwenza ta’ avvenimenti li wasslu għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ta’ 53 sena, fis-16 ta’; Ottubru 2017. Fix-xhieda tiegħu, is-sewwieq tat-taxi minn Birkirkara qal li ma kienx tħallasx “ċenteżmu wieħed” min-naħa u baqa’ jinsisti li n-negozjant Fenech, kien l-“uniku moħħ” wara l-qtil.

Huwa ddeskriva wkoll laqgħat ma’ diversi membri tal-istaff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, inkluż iċ-Chef of Staff tiegħu Keith Schembri, u l-Kap tal-Customer Care f’Kastilja Sandro Craus, fejn huma kien sostna li huwa rranġa għalih biex jingħata xogħol mal-Gvern mingħajr lanqas biss kien applika.

Ftit tal-jiem ilu ħarġet aħbar fuq il-media li Melvin Theuma jinsab imbeżża ħafna li jista’ jinqatel minn xi ħadd minn dawk li xehed fuqhom, b’aċċenn partikolari ikun fil-konfront ta’ Keith Schembri.

Theuma kien xehed ukoll li persuna viċina ta’ Muscat, Kenneth Camilleri kien iltaqa’ miegħu wara l-qtil u pprova jġiegħlu jgħaddi informazzjoni lill-allegati qattiela, l-aħwa Degiorgio u Muscat, inkluż wegħda li se jitħallsu €1 miljun.

Theuma huwa xhud kruċjali fil-każ tal-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia – permezz tar-recordings li nstemgħu fil-Qorti u hekk kif kien is-sensar f’dan il-qtil – li aktar kemm jgħaddi żmien aktar qed jidher każ ta’ kobba mħabbla stil mafjuż.

Melvin Theuma kien ammetta li kellu karriera kriminali relatata ma’ attivitajiet finanzjarji u kriminali fosthom fuq tiġrijiet taż-żwiemel u lottu klandestin, iżda qatt ma kien involut f’omiċidju, xi ħaġa li daħal għaliha fl-omiċidju ta’ Caruana Galizia, u li skont hu żball li kissirlu ħajtu.

Meta kien ġie arrestat kienu nstabu €2 miljuni fi flus kontanti fid-dar tiegħu. Huwa kien meħlus minn akkużi ta’ użura fl-2003. Meta kien xehed fis-7 ta’ Frar huwa ammetta li kien imexxi prattiċi ta’ logħob illegali u qal li hemm ġimgħat fejn kien jaqla’ €3,000 u oħrajn fejn kont jitlef €10,000.

Theuma kemm il-darba qal li jinsab inkwetat li jista’ jinqatel minn nies prominenti. Huwa kien kiteb ukoll ittra li fiha kien qal : “Jiena Melvin Theuma u qed ngħaddi din l-informazzjoni li kont il-middleman fil-każ – tas-sinjura Caruana Galizia.

“Qed nibgħat dawn il-provi biex issiru tafu min qabbadni u ħallas biex issir din il-bomba – dan qed nagħmlu għax indunajt li l-istess tnejn minn nies li huma Yorgen Fenech u Keith Schembri, l-Kasco – kienu qed jaħdmu biex jeħilsu minni.”

Theuma kien qal li l-irġiel akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia ħadu €350,000 – biex wettqu l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, informazzjoni li skont hu, waslet għandu mingħand Johann Cremona, sieħeb fin-negozju ma’ Yorgen Fenech.

L-Avukati ta’ Yorgen Fenech, li jinsab mixli li huwa l-awtur fil-qtil ta’ Caruana Galizia jridu wkoll jagħmlu l-kontro-eżami lil Melvin Fenech u bil-każ tiegħu mistenni jkompli nhar il-Ħamis li ġej, mistennija ssir talba biex huwa jiġi ordnat biex jixhed.

Jekk il-kumpilazzjoni m tkomplix nhar il-Ħamis, minħabba li s-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra li qegħdin imexxu l-kumpilazzjoni ta’ Fenech jinsabu fi kwarantina, il-kawża tiġi posposta għat-Tlieta, 2 ta’ Frar.

Sadanittant l-aħwa Alfred u George Degiorgio, talbu biex il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontrihom terġa’ tibda mill-ġdid, billi huma qed jallegaw li l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit għandha jdejha marbutin u qed jgħidilha x’tagħmel l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Huma fetħu il-każ tagħhom quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha bħal Qorti Kostituzzjonali li qed tintalab tiddikjara li nkiser id-dritt tagħahom għal smigħ ġust, minħabba n-nuqqas ta’ libertà tal-Qorti u mid-diskrezzjoni wiesgħa li ngħata l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fil-proċeduri.

Għalhekk, huma qed jitolbu li l-atti tal-kumpilazzjoni tal-evidenza kontrihom jitħassru u jibdew mill-ġdid, inkella li l-atti jintbagħtu lura quddiem il-Qorti li semgħethom sabiex din tisma’ evidenza li ma semgħetx qabel u biex tieħu deċiżjoni fuq kull talba li ma saritx proviżjoni tagħha.