Lokali Qorti

Mixlija li serqet tliet anzjani fil-preżenza ta’ binha wara li marret titallab

Shirley Al Omar ta’ 45 sena minn San Pawl il-Baħar li kienet fil-preżenza ta’ binha ta’ 13-il sena  ġiet mixlija li nħar il-Ħadd li għadda f’nofs inhar daħlet f’residenza fejn jgħixu tliet anzjani u minn hemm serqet  €100 fi flus kontanti li kienu jikkonsistu f’żewġ karti ta’ €50.

L-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia qalu fil-Qorti li l-każ seħħ f’San Pawl il-Baħar stess meta l-mara ħabtet il-bieb tal-vittmi. Waħda mit-tliet anjazni li kien hemm fir-residenza, fetħet il-bieb u u bdiet tittallab għal flus għax qalet lill-anzjana li riedet tieħu lit-tifel l-isptar għax kellu nfezzjoni f’widnejh.

L-anzjana daħlet ġewwa biex iġib xi flus, bill-mara tidħol warajha, u ħatfet l-ammont ta’ flus li kien hemm fuq il-mejda fil-preżenza ta’ anzjan ta’ 81 sena li għandu wkoll diżabilità severa. Il-mara flimkien mat-tifel ħarbu jiġru minn fuq il-post.

Il-Prosekuzzjoni qalet li anzjana ppruvat b’xi mod isegwi lil mara u li-tifel li iżda tilfithom żewġ kantunieri l-bogħod. Il-Pulizija tar-Rapid Intervnetion Unit (RIU) bdew mill-ewwel bit-tfittxija għalihom u nofs siegħa wara nnutaw żewġ persuni li kienu jaqblu mad-deskrizzjoni li taw il-vittmi.

Ingħad ukoll li l-Pulizija taf ukoll lil Al Omar minħabba li kienet investigata fuq każ simili fil-passat. Minbarra s-serqa hija ġiet mixlija wkoll li naqset milli tieħu ħsieb lil binha, li kkomettiet reat waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza oħra, li fuqha kienet ġiet illiberata biex ma tikkommettiex reat ieħor fi żmien tliet snin

Ġiet mixlija wkoll li naqset milli tħares il-kundizzjonijiet imposti fuqha mill-Qorti tal-Maġistrati u li saret reċidiva. L-Ispettur Lydon Zammit qal ukoll li l-mara u t-tifel twaqqfu mill-RIU fi Triq l-10 ta’ Frar, San Pawl il-Baħar, saret tfittxija fuqhom u fiż-żarbun tat-tifel instabu l-flus misruqa.

Il-mara tressqet quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia fejn ingħad ukoll li l-Pulizija, bl-assistenza tal-Aġenzija Appoġġ, ħadet lit-tifel għand xi qraba. Id-difiża mmexxija mill-Avukat Mario Mifsud qalet li f’dan l-istadju ma kinitx se tagħmel talba għal libertà proviżorja tal-akkużata u għalhekk inbagħtet il-ħabs.