Lokali Parlament

One News ħati li għawweġ diskors ta’ Maria Deguara dwar iż-żgħażagħ u l-COVID-19

L-Ispeaker tal-kamra Anġlu Farrugia ddikjara fil-parlament li l-istazzjon Laburista One kien għawweġ diskors tad-deputat Nazzjonalista Maria Deguara dwar iż-żgħażagħ u l-COVID-19.

Fl-20 ta’ Jannar 2021 Maria Deguara kienet talbet investigazzjoni mill-Ispeaker dwar il-mod skorrett kif il-One irrapportaw kummenti parlamentari tagħha li fiha l-istazzjon Laburista allega li Maria Deguara kienet sostniet li ż-żgħażagħ huma responsabbli għat-tixrid tal-COVID-19.

Fil-fatt Maria Deguara qatt ma qalet dan id-diskors anzi appellat għal miżuri biex il-pandemija COVID-19 ma titferrix iktar f’Għawdex fil-perjodu tal-Karnival.

Mit-traskrizzjonijiet parlamentari fil-fatt irriżulta li Maria Deguara qatt ma għamlet dikjarazzjoni li ż-żgħażagħ qed ixerrdu l-COVID-19 u għalhekk One News kien għamel rapport mgħawweġ ta’ dak li qalet Maria Deguara.