Futbol Sport

Plejers tal-futbol f’Malta jintalbu flus biex jagħmlu prova fitizja ma’ klabb barrani

Replay jiżvela kif tal-anqas tliet plejers Maltin, ġew ikkuntatjati minn persuna li tilgħabha ta’ aġent, permezz ta’ Instagram

Fl-aħħar jiem diversi plejers żgħażagħ lokali ġew ikkuntattjati minn persuna li toffrilhom prova ma’ klabb fil-Portugall, kollox imħallas. Madankollu jitlobhom ħlas bil-quddiem, taparsi depożitu, ta’ somma li tilħaq l-€1,500.

Jidher li fil-mira ewlenija hemm żgħażagħ li jilgħabu fil-futbol lokali u li għandhom profili fuq Instagram, b’ritratti tagħhom fl-azzjoni. Fl-aħħar jiem kien hemm mill-inqas tliet plejers lokali li ltaqgħu ma’ dan il-persuna, permezz ta’ video call, iżda eventwalment irrifjutaw li jagħmlu depożitu finanzjarju qabel jagħmlu l-prova. F’każ minnhom, żagħżugħ li wieġeb li kien interessat iżda mhux lest li jgħaddi ħlas lil din il-persuna, spiċċa affaċċjat b’arroganza u minn kliem xejn sabiħ.

Waqt il-programm Replay (Net Television), il-mistieden residenti tal-programm, Konrad Sultana kkonferma li l-Malta Football Players Association irċeviet numru ta’ rapporti simili u rrappurtat il-każ biex tittieħed azzjoni. Sultana qal li l-indikazzjonijiet kollha huma li din hi scam, iġifieri nassa bl-intezzjoni li tqarraq sabiex persuna tagħmel frodi ta’ flus fuq il-persuna l-oħra, bil-persuna li allegatament qed imexxiha m’huwiex aġent rikonoxxut imma jiddeskrivi lilu nnifsu bħala imprenditur.

Sultana, li hu ukoll membru fl-eżekuttiv tal-assoċjazzjoni li tirrapreżenta l-plejers tal-futbol f’Malta, appella li min diġa’ għadda jew għaddej minn din l-esperjenza hu mitlub li hu wkoll jitkellem dwarha, anke b’mod kunfidenzjali, biex ikun evitat li jkun hemm vittmi oħra.