Lokali Qorti

Raġel homeless mixli b’serq

Raġel li jinsab bla saqaf fuq rasu inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie arrestat fuq suspett li seraq laptop minn uffiċċju tal-Floriana l-ġimgħa li għaddiet.

Evgeniy Petrov, ċittadin Bulgaru ta’ 33 sena, tressaq il-Qorti u wieġeb mhux ħati tas-serq tal-laptop, li jiswa aktar minn €2,329, fid-19 ta’ Jannar. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija rabtu wkoll lir-raġel ma’ serq ieħor li allegatament seħħ fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta fit-12 ta’ Jannar tard filgħaxija meta raġel Pollakk irrapporta li sequlu l-baskett tiegħu, li kien fih telefon ċellulari Sony Experia Z3, xi €100 fi flus kontanti kif ukoll il-passaport tiegħu.

Waqt li kienu qed jaħdmu fuq filmati CCTV miż-żona tas-serq irrappurtat, kif ukoll informazzjoni addizzjonali mogħtija minn Uffiċjal tal-Pulizija tal-komunità, l-investigaturi rnexxielhom jidentifikaw lil Petrov bħala suspettat.

Huwa ġie rintraċċat u interrogat fuq is-serq. Matul il-każ tiegħu fil-Qorti, Petrov wieġeb mhux ħati taż-żewġ serqiet, u wkoll li għex ħajja ta’ vagabond u li għamel ukoll perjodu jitallab.

Ma saret l-ebda talba għal liberta proviżorja. Il-Maġistrat Ian Farrugia ppresieda l-każ. L-Ispettur Priscilla Caruana Lee mexxiet il-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Anne Marie Cutajar deheret bħala avukat tal-għajnuna legali.