Internazzjonali

Russja: Il-Kremlin ta’ Moska jikkundanna lill-Punent dwar ‘l-appoġġ’ lill-Kap tal-Oppożizzjoni, Navalny

It-Tmexxija tar-Russja akkużat lill-pajjiżi tal-Punent b’li qed ‘jinkoraġġixxu’ id-dimostrazzjonijiet favur il-Kap tal-Oppożizzjoni Russa, Alexei Navalny, wara li spikkaw sensiela ta’ protesti tal-massa fl-ibliet ta’ dan il-pajjiż.

L-uffiċjali fil-Kremlin ta’ Moska huma urtati għal dak li qed ifissru bħala ‘indħil sfaċċat mill-Punent’ wara li għexieren ta’ eluf ta’ Russi, fi tmiem il-ġimgħa, sfidaw lill-Gvern u l-pulizija biex jissieħbu fid-dimostrazzjonijiet ta’ appoġġ lill-Oppożizzjoni. Intant, saru ‘il fuq minn 3,500 arresti, bil-President Russu, Vladimir Putin, ifisser dawn il-protesti bħala ‘illegali u perikolużi’.

Min-naħa tagħha, l-Unjoni Ewropea qed issegwi l-iżviluppi u ‘ix-xeni tal-intolleranza’ fir-Russja b’ansjetà kbira. Dan waqt li l-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni ltaqgħu biex jevalwaw ir-reazzjoni għas-sitwazzjoni fir-Russja – u meta spikkaw is-sejħiet għal ‘aktar sanzjonijiet’ fil-konfront ta’ Moska.

Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tat-tliet Stati Baltiċi – l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja – insistew għal ‘miżuri restrittivi fil-konfront tal-uffiċjali li huma responsabbli għall-arresti taċ-ċittadini Russi’.

Il-President tal-Polonja, Andrzej Duda, ukoll ħeġġeġ lill-UE biex iżżid is-sanzjonijiet għar-Russja wara l-arrest, jiem ilu, ta’ Alexei Navalny mal-wasla tiegħu f’Moska mill-Ġermanja.

Kien proprju Navalny – l-akbar kritiku tal-President Putin – li sejjaħ biex isiru l-protesti ta’ tmiem il-ġimgħa. Intant, id-dimostranti li jopponu lil Putin u lill-Kremlin wieġbu bi ħġarhom għas-sejħa u nhar is-Sibt ħarġu jipprotestaw f’madwar 100 belt tar-Russja.

Id-dimostrazzjonijet kellhom kollha l-istess tema favur ‘il-kawża’ ta’ Alexei Navalny u spikkaw l-aktar fl-ibliet ta ’Moska u San Pietruburgu. Saru wkoll protesti kbar oħra fir-reġjuni lejn il-Lvant Imbiegħed tar-Russja kif ukoll fis-Siberja.

L-osservaturi qalu li l-iskala tad-dimostrazzjonijiet madwar ir-Russja kienu mingħajr preċedent – bid-dimostrazzjoni fil-kapitali tkun l-akbar waħda ta’ dan it-tip fi kważi għaxar snin. Dan waqt li, f’Moska, spikkaw ix-xeni ta’ pulizija tat-taqsimiet speċjali u l-iskwadri għal kontra l-irvellijiet huma u jsawwtu u jkaxkru lid-dimostranti mal-art fost il-mijiet tal-arresti.

Id-dimostrazzjonijiet kienu wkoll notevoli għall-ammonti kbar taż-żgħażagħ Russi li ħarġu jipprotestaw kontra Putin u l-Kremlin. Fil-fatt, ir-rallies tal-Oppożizzjoni qed jattiraw dejjem aktar żgħażagħ mindu Navalny beda jiddettalja l-investigazzjonijiet online dwar allegata korruzzjoni min-naħa tal-Gvern.

Investigazzjoni partikulari qed tallega li l-President Putin nefaq il-fondi illegali fuq palazz maġenb il-Baħar l-Iswed – bil-filmat li qed jiddettalja l-każ jattira ‘il fuq minn 85 miljun ‘views’ fuq il-media soċjali.

Ħafna mid-dimostranti, intant, qalu li huma rrabjati ferm dwar ir-rapport u, waqt il-protesti ta’ tmiem il-ġimgħa, spikkaw l-għajjat u l-akkużi diretti kontra l-President tar-Russja.

Dan wara li l-‘posts’ li servew bħala promozzjoni għad-dimostrazzjonijiet ta’ tmiem il-ġimgħa kienu segwiti ‘għall-mijiet tal-miljuni ta’ drabi’ fuq TikTok.