Lokali

Sentiment pożittiv fis-swieq finanzjarji internazzjonali minkejja l-inkwiet tal-pandemija

Melvyn Mangion jitkellem ma’ Net News dwar l-aħħar żviluppi fis-swieq finanzjarji internazzjonali

Is-swieq finanzjarji internazzjonali komplew bil-bidu pożittiv fis-sena 2021. Minkejja l-interċezza li qed iġġib il-pandemija u l-inkwiet li qed tħalli fuq l-ekonomiji ta’ bosta pajjiżi, bħal donnu is-swieq finanzjarji mhux qed jagħtu wisq każ. Ħafna qed jargumentaw li l-inkwiet reali f’bosta ekonomiji mhux qed ikun rifless fis-swieq finanzjarji. Analisti finanzjarji komplew jgħidu li bosta swieq finanzjarji għad irid jinżlu fil-valur għax jinsabu ogħla mill-valur reali.

Is-suq finanzjarju Ġermaniż magħruf bħala DAX ra żieda żgħira fl-ewwel ġimgħat tas-sena. Is-suq Franċiż li jissejjah CAC ukoll ra żieda żgħira fl-ewwel ġimgħat ta’ din is-sena. Id-dollaru Amerikan kompla fejn kien fl-aħħar ġimgħat meta mqabbel mal-ewro hekk kif issa bdejna ngħixu l-ewwel ġranet tal-President Biden.

Fil-Ġermanja fl-aħħar 24 siegħa biss, kellna iktar minn 200 mewta kawża tal-COVID 19. Dan xorta ma wassalx ghal impatt negattiv fis-suq finanzjarju Ġermaniż. Il-vaċċin qed jitfa’ tama fuq l-investituri tas-swieq finanzjarji. Minkejja dan, bosta qed ibassru li l-vaċċin se jasal għand il-maġġoranza tal-popli Ewropej fis-sena id-dieħla.

Bloomberg irrapurtaw li madwar 40% tal-ħaddiema li jgħixu f’Londra huma lesti li jitilqu minn Londra minhabba nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol. Dan ma tantx jawgura tajjeb. Sa sentejn ilu, din iċ-ċifra kienet madwar 16%. Pariġi u Frankorfurtu huma l-iktar żewġ ibliet msemmieha minn dawn il-ħaddiema, bħala l-post fejn jixtiequ jaħdmu.

Bosta analisti finanzjari komplew iwissu dwar il-votalita fil-bitcoin bil-prezz fl-aħħar jiem jieħu daqqa tajba l’isfel.

L-ishma ta’ kumpaniji fis-settur tat-tekonoloġija kienu l-aktar li marru tajjeb fl-aħħar xhur. Il-mod differenti kif qed ngħixu minn meta bdiet il-pandemija wassal għal talba sostanzjali fix-xiri u użu ta’ prodotti teknoloġiċi.  Jidher li dan il-fenomenu se jdum magħna. Hekk kif bosta issa draw jgħixu bi stil differenti, b’miljuni ta’ nies jaħdmu mid-dar, jidher li is-saħħa li gwadanjaw dawn il-kumpaniji, diffiċli biex tonqos. Ħafna investituri qed iħarsu lejn il-proprjetà bħala wieħed mill-iktar investimenti sodi fi żminijiet fejn rajna bidliet sinifikanti fil-mod tal-ħsieb tal-bniedem. L-investiment fi proprjeta fi New Zealand laħaq numri rekord fl-aħħar xhur.

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment