Sport Sport Ieħor

St.George’s jinqalgħu mill-aħħar post tal-kampjonat FMA

Filwaqt li t-tim ta’ St.George’s kisbu punt wieħed biss fl-ewwel erba’ logħbiet tagħhom fil-kampjonat FMA, din il-ġimgħa rebħu żewġ logħbiet biex b’ hekk inqalgħu mil-aħħar post tal-klassifika.

Fl-ewwel logħba kontra Qormi, kellhom jitħabtu mhux ftit sabiex għelbuwhom bl-iskor ta’ 8-4, bi tliet gowls minnhom jaslu permezz ta’ Yessous Camilleri u doppjetta ta’ Clayton Micallef. Ma’ dawn niżżlu isimhom ukoll fuq il-lista tal-iskorers Luke Gatt, Christian Grech u Keith Darmanin. Min-naħa l-oħra il-gowls ta’ Qormi ġew skorjati permezz ta’ Luis Lopez u Jonathan Scerri.

Fit-tieni logħba St.Geroge’s għelbu lil Zurrieq bl-iskor ta’ 5-1 b’ Yessous Camilleri jerġa jniżżel ismu fost l-iskorers b’doppjetta. F’ din il-partita kien hemm ġest sportiv li wieħed ta’ min jinnota, hekk kif Żurrieq ħallew lil St.George’s jiskurjaw wara li fil-gowl tagħhom kellhom plejer mal-art.

Sadanittant, fin-naħa l-oħra tal-klassifika Luxol għelbu lil Ibraġġ Futsal bl-sikor ta’ 12-0 filwaqt li Valletta Futsal rebħu lil Universita’ ta’ Malta 3-1. Swieqi United komplew bir-rekord tar-rebħ f’dan l-istaġun b’ rebħa dominanti fuq Naxxar Lions bl-iskor ta’ 12-1.

Min-naħa l-oħra Mellieħa għelbu lil Żurrieq Futsal 4-2 f’logħba bbilanċjata bejn dawn iż-żewġ timijiet, filwaqt li Ta’ Xbieb għelbu lil Marsaskala bl-iskor kbir ta’ 14-1 biex saħħew il-pożizzjoni tagħhom lejn in-naħa ta’ fuq tal-klassifika.