Internazzjonali

Stati Uniti: Iħejju l-akkuża ta’ inċitament kontra Trump fis-Senat

Il-Kamra Amerikana tar-Rappreżentanti qed tħejji biex takkuża formalment lill-eks President Amerikan Donald Trump dwar ‘inċitament għal rewwixta’ – b’dan qed jitqies bħala ‘il-bidu’ tat-tieni proċess ta’ impeachment fil-konfront ta’ Trump.

L-akkuża titratta d-diskors rabbjuż, kmieni fix-xahar, ta’ Donald Trump fejn hu insista biex is-sostenituri tiegħu ‘jiġġieldu għal dak li jemmnu fih’ fost affarijiet oħra. Intant, mifhum li kliemu servew bħala ‘xprun’ għall-attakk qattiel tas-6 ta’ Jannar mill-partitarji tiegħu fuq il-bini tal-Capitol, f’Washington. Fil-vjolenza sussegwenti mietu ħames persuni, fosthom uffiċjal tal-pulizija li kien għassa fl-inħawi tal-Capitol.

Disa’ membri Demokratiċi tal-Kamra tar-Rappreżentanti – li se jservu bħala prosekuturi – matul il-lejl se jippreżentaw l-artiklu ta’ impeachment lis-Senat, fejn Trump għandu jkun ipproċessat matul it-tieni ġimgħa ta’ Frar.

Donald Trump se jsir l-uniku eks President Amerikan li qatt kellu jgħaddi minn żewġ proċessi għall-impeachment fuq l-inizjattiva tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Intant, hu se jkun ukoll l-ewwel eks President li se jiffaċċja proċess bħal dan (simili għal ġuri) wara li spiċċalu l-mandat tat-tmexxija.

Jekk is-Senat isibu ħati, Donald Trump jista’ jispiċċa projbit milli xi darba jokkupa funzjoni oħra uffiċjali fl-Istati Uniti.

Min-naħa tagħhom, il-mexxejja tas-Senat ( fejn id-Demokratiċi jgawdu maġġoranza minima fuq ir-Repubblikani) qablu li ma jibdewx il-proċess qabel id-9 ta’ Frar – bil-għan li Trump jingħata aktar żmien biex iħejji d-difiża tiegħu.

Fl-istess ħin, is-Senat se jkun jista’ jikkonċentra fuq l-ewwel prioritajiet tal-President Joe Biden, u li jinkludu l-ħatriet tiegħu għall-Kabinett Amerikan.