Lokali Parlament

Appell għal stabbiltà fid-distretti elettorali fuq medda ta’ snin

Hermann Schiavone, PN

Id-deputat Nazzjonalista appella għal diskussjoni matura għal stabbiltà fid-distretti elettorali għal medda ta’ snin u għamel diversi proposti dwar tibdil fis-sistema u l-proċessi elettorali.

Fil-parlament Hermann Schiavone qal li l-PN diġà appella dwr il-liġi tal-mekkaniżmu korrettiv biex isiru laqgħat bejn il-partiti għal riformi ħolistiċi. Hu sostna li fl-elezzjoni tal-1981 ma kien hemm skerz iżda kien hemm tbagħbis tad-distretti.

Ftit wara l-mewt tal-ex Prim Ministru u Kap tal-PN Ġorġ Borg Olivier kienet se ssir l-elezzjoni każwali u jirriżulta li l-aġenti tal-PN kienu nnotaw li l-pakketti tal-voti fl-istrong room kienu kollha miftuħa. Dan jindika li l-voti tal-elezzjoni tal-1976 kienu infetħu biex ikun stabbilit kif ivvotaw in-nies fil-lokalitajiet u biex il-PL fil-Gvern jagħmel id-distretti elettorali b’mod preċiż biex jirħab.

Fl-elezzjoni tal-1981 kien hemm distretti strambi fejn Ħad Dingli kien ma’ Birżebbuġa. Dak ir-riżultat ma kienx kumbinazzjoni; dakinhar kien manifatturata maġġoranza għall-PL. Qatt ma kien hemm distretti mġebbda fejn il-Belt ma kienitx mal-Floriana iżda ma’ parti minn Ħal Luqa.

Dik l-elezzjoni ħalliet mhux biss riżultat pervers iżda turbulanza politika kbira li wassal għall-qtil ta’ Raymond Caruana u s-seduta storika parlamentari fjen bdiet id-diskussjoni għal emendi kostituzzjonali dwar il-garanzija li l-maġġoranza tal-voti tiggverna.

Id-deputat Nazzjonalista qal li minkejja l-bidliet li saru xorta għadu jista’ jsir li partit politiku jikseb maġġoranza ta’ siġġijiet bla ma jkollu maġġoranza ta’ voti. Hu spjega li partit politiku jista’ hu stess joħloq partit politiku ieħor biex b’hekk ikun qed jassigura li jiggverna anki jekk ma jiksibx il-maġġoranza.

Hermann Schiavone qal li tista’ ssir diskussjoni dwar jekk hemmx bżonn 13-il distrett biex b’hekk titnaqqas it-treshold għal 9.9% flok 17%. Dan jista’ jsir billi jingħaqdu żewġ distretti flimkien.

B’hekk l-ebda lokal ma jkollu għalxiex jinqasam u jkun hemm iktar proporzjonali; flok ħames deputati jkunu eletti 10 deputati. Dan biex jingħata stabbilità bid-distretti jibqgħu l-istess għal 20 snin u fejn id-deputati jikkontestaw distrett wieħed.

Dwar Għawdex hu qal li dan qed jikber u għandu jkun ikkunsidrat li Għawdex jingħata seba’ deputati flok ħamsa biex ikun hemm iktar rappreżentanza tal-elettorat.

Hermann Schiavone kompla li jeħtieġ diskussjoni matura anki swar is-single transferible vote; jeħtieġ li ssir sistema elettorali li tixraq lill-pajjiż. Hu qal li l-partiti żgħar għandu jkollhom rappreżentanza iżda l-governabbiltà tkun tkun sostnuta.

Id-deputat Nazzjonalista sostna li l-pajjiż għandu opportunità uniku jekk ikun hemm rieda tajba mill-partiti; anki dwar proċessi elettorali.