Lokali Parlament

COVID-19: Il-Gvern għandu jaħdem b’serjetà u trasparenza – Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Bernard Grech appella lill-Gvern biex fil-pandemija tal-COVID-19, il-ħidma tkun waħda serja u trasparenti.

Dan l-appell l-Kap tal-Oppożizzjoni għamlu waqt diskors fil-parlament wara stqarrija ministerjali tal-Prim Ministru dwar dak li seħħ fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill tal-UE li ddiskuta l-COVID-19 fl-UE.

Fl-istqarrija ministerjali l-Prim Ministru Robert Abela qal li fil-21 ta’ Jannar 2021 saret laqgħa tal-Kunsill Ewropew dwar il-COVID-19 fl-UE. Hu qal li Malta se tibqa’ ssegwi l-iżviluppi dwar il-vaċċin u sostna li l-iskop tal-Gvern hu li l-poplu jitlaqqam kemm jista’ jkun malajr.

Ilbieraħ waslu Malta 14,000 doża tal-vaċċin tad-ditta Pfizer u se jinxtraw 80,000 doża tad-ditta Moderna. L-iskop tal-Gvern li l-pajjiż jinsab l-ewwel fost il-pajjiżi kollha tal-UE fl-amministrazzjoni tal-vaċċin. Il-laqgħa ddiskutiet ukoll il-varjanti tal-vaċċin.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech qal li l-Prim Ministru ried jevita din l-istqarrija u din saret biss minħabba l-pressjoni tal-Oppożizzjoni. Hu appella għal iktar serjetà u trasparenza fid-dawl tal-appelli li qed issir minħabba l-pressjoni qawwija fuq is-servizzi tas-saħħa.

Il-kwistjoni tal-varjanti qed tinkwieta ħafna nies u anki industriji minħabba li l-perjodu ta’ irkupru jista’ jitwal. Il-PN jappella biex il-Gvern jibqa’ jagħti tagħrif dwar dawn il-varjanti tal-virus anki dwar ir-riċerka li qed issir biex dawn ikunu iżolati.

Il-Kunsill tal-UE qabel li jkun hemm miżuri dwar il-COVID-19 fl-UE, sostna l-Kap tal-PN, li kompla li l-Prim Ministru qed jibgħat messaġġi kontrastanti fejn daqqa jgħid li l-pajjiż se jimxi ‘l quddiem u daqqa oħra jgħid li se jiddaħħlu miżuri ġodda. Il-PN hu kontra lockdown iżda jrid ikun jaf kemm instabu varjanti, sostna l-Kap tal-PN, li kompla li l-grvn għandu bbligu li jara li jkun hemm iktar infurzar fejn meħtieġ.

Il-Prim Ministru għandu jgħid x’inhuma l-miżuri dwar il-contact tracing li jidher li kkollassa. L-għeluq tal-fruntieri għandha tkun l-aħħar miżuri li tittieħed u għandu jsir sforz biex tiżdied ir-rata tal-vaċċinazzjoni. Il-Kap tal-PN qal li l-poplu ma jistax ikun aljenat daqs li kieku l-vaċċinazzjoni hu l-uniku soluzzjoni.

X’inhu jżomm lill-Gvern milli juża’ l-ispiżerji għall-vaċċinazzjoni biex ikun hemm iktar effiċjenza għall-anzjani u l-vulernabbli? Malta se tikkommetti ruħha li toħroġ ċertifikat fuq il-vaċinazzjoni li jkun rikonoxxut mal-UE kollha?, staqsa Bernard Grech.

Hu qal ukoll li l-Oppożizzjoni tappella lir-Russja biex teħles lill-Kap tal-Oppożizzjoni Russa Navalny u appella lill-Gvern jispeċifika x’inhi l-pożizzjoni tiegħu dwar dan.

Il-Whip Nazzjonalista Robert Cutajar staqsa x’inhi s-sitwazzjoni dwar l-għalliema u liema huma ċ-ċentri li se jiżdiedu minn fejn jingħata l-vaċċin minħabba li l-anzjani qed ikollhom skariġġ fosthom l-anzjani tal-Mellieħa li qed ikollhom imorru l-Mosta jew ir-Rabat. Hu staqsa f’hix waslu n-notifiċi lill-anzjani minħabba li hemm anzjani li għadhom ma rċevewx l-avviż.

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici staqsa jekk waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-UE, l-Gvern talabx li l-immigrazzjoni titpoġġa fuq l-aġenda u jekk kienx hemm informazzjoni dwar l-aħħar inċident ta’ immigranti.

Id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara tsaqsiet jekk l-14,000 doża li nxtraw humiex fuq id-dożi li għaddejjin lil dawk li ħadu l-ewwel doża u wkoll meta hu ppajant li tingħata t-tieni doża lill-parmediċi.

Id-deputat Nazzjonalista David Thake qal li f’Diċembru 2020, il-Prim Ministru kien pożittiv li m’hawnx mewġ, f’Jannar qal li se nkunu normali u issa li hu kunfidenti li Malta mhux se tkun impattata minn xi skarzezza ta’ vaċċin. Fuq liema bażi qed isiru dawn id-dikjarazzjonijiet?, stsaqsa David Thake, li staqsa wkoll dwar il-kontradizzjonijiet tal-gvern Laburista dwar il-hurd immunity.

Id-deputat Laburista Jean Claude Micallef qal li l-PN issa biddel il-pożizzjoni dwar il-lockdown u staqsa jekk it-tliet vaċċin differenti hux se jmorru għal kategoriji differenti tas-soċjetà.

Il-Prim Ministru wieġeb li ma tkellimx mal-Gvern Taljan dwar l-aħħar inċident ta’ immigranti u dwar liema port kienu se jidħlu fih l-immigranti. Ma kien hemm l-ebda diffikultà x’tiġi diskussa; Malta ma tiflaħx iktar piż minn dak li refgħet fl-immigrazzjoni.

Hu qal li dwar il-każ tal-Kap tal-Oppożizzjoni Russu, il-pożizzjoni ta’ Malta hi bħal dik tas-26 stat membru ieħor

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-PN issa qed jiddikjara li hu kontra lockdown u sostna li l-pajjiż għandu jkollu bilanċ iżda m’għandux isir curfew. Fl-Olanda bħalissa hemm kaos bi vjolenza u tkissir minħabba d-deċiżjoni tal-Gvern li jagħmel cufrew; din kissret is-sħaħa mentali tan-nies.

Il-Prim Ministru kompla li l-PN qed jattakka l-investiment fil-pajjiż. Għada se jitħabbru l-miżuri għal Frar, mhux se jkun hemm lockdown jew curfew, sostna l-Prim Ministru, li qal li l-PN jrid idaħħal id-dwejjaq fost in-nies.

Malta qed ngħixu f’ġenna f’dan il-pajjiż meta jsiru l-paraguni ma’ pajjiżi oħra tal-UE, iddikjara l-Prim Ministru, li kompla li fl-aħaħr ta’ Frar il-pajjiż kompla miexi ‘l quddiem fit-tilqim waqt li f’Marzu jbda l-irkupru ekonomiku.

F’Mejju hemm miri li jridu jintlaħqu; mhux se jkun hemm sogru minħabba l-perjodu tal-karnival, sostna l-Prim Ministru, li kompla li l-Gvern irid jibqa’ jżomm bilanċ biex jipproteġi l-ekonomija b’poplu b’saħħtu. L-ispiża fuq il-COVID-19 hi enormi, sostna l-Prim Ministru, li kompla li hu kien ġab l-ikbar budget mill-UE. Malta hi l-aqwa fil-programm ta’ vaċċinar, sostna l-Prim Ministru.