Lokali Qorti

Erba’ Sirjani u Libjan jinżammu arrestati fuq sekwestru b’rabta ma’ kunflitt Sirjan

Erba’ Sirjani u Libjan li lkoll jgħixu Malta nżammu arrestati wara li ġew mixlija li fit-13 ta’ Jannar li għadda ssekwestraw lil Mohammed Alsatif Ibrahim kontra l-volonta tiegħu u li heddewh bil-mewt.  Allegatament il-ħames persuni huma nvoluti b’rabta ma’ dan l-allegat ħtif li għandu l-għeruq fil-kunflitt Sirjan.

L-irġiel li kollha qalu li huma self-employed u li ilhom Malta s-snin huma l-Libjan Fadel Abdulsalam ta’ 39 sena residenti r-Rabat, u s-Sirjani Alhasan Abdulrahman ta’ 36 sena, residenti ż-Żurrieq, Ghywas Dahrouj ta’ 47 sena, residenti Safi, Dahrouj Safi ta’ 30 sena, ukoll minn Ħal Safi u Hassan Ahmed ta’ 27 sena miż-Żurrieq.

Huwa ġew akkużati li wettqu dan ir-reat bejn it-3.30pm u s-7.00pm u dan mingħajr il-ħsieb li joqtlu jew li jqiegħdu l-ħajja ta’ Alsatif f’periklu ċar, ikkaġunawlu offiża ħafifa. 

Abdulrahman waħdu ġie mixli li seraq persuna, jiġifieri lill-vittma, bil-ħsieb li jagħmlulu ħsara u li ġarr sikkina jew strument li jaqta’ bil-ponta mingħajr liċenzja. L-irġiel minbarra Alhasan Abdulrahman ġew mixlija wkoll li wkoll fit-13 ta’ Jannar saru kompliċi fis-serq tal-vittma, u dan bil-ħsieb li jagħmlulu ħsara.

Abdulrahman u Ahmed kienu mixlija wkoll li kkaġunaw biża lil Mohammed Alsatif Ibrahim u lil Bakir Masoud, u dan bil-ħsieb li kienet se tintuża vjolenza kontrihom jew propjetà tagħhom.

Ghyas Dahrouj, Safi Dahrouj u Fadel Abdulsalam ġew mixlija li kkaġun biża’ ta’ vjolenza fuq Ibrahim. Il-pulizija qalet li l-arresti saru mit-Taqsima tagħha ta’ kontra t-terroriżmu wara ġranet ta’ investigazzjoni u informazzjoni dwar il-każ.

L-erba’ Sirjani u l-Libjan, ġew arrestati f’operazzjonijiet li saru f’Ħal Safi u ż-Żurrieq. Il-pulizija qalu li l-kwistjoni bejn l-aggressuri u l-vittma kienet ġejja mis-sitwazzjoni fis-Sirja u l-attivitajiet tar-ribelli hemmhekk. Għal Ahmed Mohammed deheru l-Avukati Lennox Vella u Amanda Spiteri Grech filwaqt li għal erba’ l-oħra deher l-Avukat Kris Busietta.

Id-difiża permezz tal-Avukat Busietta għamlet talba għal libertà proviżorja tal-akkużati fejn qalet li dawn ilhom jgħixu Malta għal żmien twil u kollha għandhom il-familja.

Qalu li kull ma hemm huma l-vittmi li jridu jixhdu u din ir-raġuni waħedha ma tfissirx li dawn għandhom jinżammu arrestati fejn il-Qorti tista’ wkoll tieħu dawk il-miżuri biex ma jkun hemm l-ebda kontaminazzjoni tal-provi. Ingħad ukoll mid-difiża li l-akkużati kollha għandhom ukoll impieg f’Malta.

Clusters ta’ COVID-19 fil-ħabs

L-Avukat Lennox Vella qal li l-klijent tiegħu ilu miżżewweġ Maltija għal dawn l-aħħar 10 snin u li bħalissa fil-ħabs teżisti sitwazzjoni fejn hemm clusters qawwija ta’ COVID-19 u li dawn jistgħu jinqabdu kwarantina u ma jkunux jistgħu jattendu l-Qorti, b’dannu għalihom.

Ingħad ukoll li għandhom kondotta netta u minħabba l-pandemija jekk jispiċċaw il-ħabs il-konsegwenzi jistgħu jkunu ferm agħar. Jekk dawn jiksru l-pleġġ, jaf ukoll x’inhuma l-konsegwenzi.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Omar Zammit u Geoffrey Cutajar oġġezzjonat bil-qawwa kollha minħabba n-natura tal-akkuża u l-biża li l-provi jiġu kkontaminati. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri ċaħdet it-talba minħabba l-biża ta’ intraċċ tal-provi iżda ħeġġet lill-Prosekuzzjoni biex tressaq ix-xhieda kollha fis-seduta li jmiss.