Lokali Parlament

Fit-tmexxija ta’ entitajiet pubbliċi għandu jkun hemm persuni li jiggarantixxu governanza tajba u li jħarsu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna – PN

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jsostni li fit-tmexxija ta’ entitajiet pubbliċi għandu jkun hemm persuni li jiggarantixxu governanza tajba u li jħarsu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Għaldaqstant, illum ivvotajna kontra l-ħatra ta’ Gavin Gulia bħala Chairperson tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu u l-konferma ta’ John Mamo waqt diskussjoni li saret fil-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi.

Fi stqarrija, f’isem il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina, Carm Mifsud Bonnici u Robert Cutajar, il-Partit Nazzjonalista qal li fil-każ ta’ Gavin Gulia, infakkru fir-rapport maħruġ mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar il-kuntratt ta’ konsulenza li kien ingħata bil-moħbi minn Joseph Muscat lil Konrad Mizzi. Fil-konklużjonijiet tar-rapport, il-Kummissarju Hyzler kien ċanfar il-pożizzjoni ta’ Gulia li ma waqqafx dan il-kuntratt. Dan juri pożizzjoni ta’ djufija f’kariga li suppost tiggarantixxi governanza tajba fin-nefqa ta’ fondi pubbliċi.

Fil-każ ta’ John Mamo, rrimarkajna kif l-Oppożizzjoni kienet ivvutat favur il-ħatra tiegħu tlett snin ilu, pero dak li seħħ fl-aħħar snin wassal biex ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna f’settur tant importanti bħalma hu dak tas-servizz finanzjarji marret il-baħar.

Ta’ min isemmi l-ħlasijiet żejda li ngħataw lil ex-Kap Eżekuttiv Joseph Cuschieri u li kellu jirrifondihom lura, il-ħatra ta’ Edwina Licari li ntgħażlet b’interview li sar minn Mamo u minn Cuschieri waħedhom, l-iskandlu tal-vjaġġ f’Las Vegas minn Cuschieri kif ukoll il-każ ta’ golden handshake ta’ €150,000 li ngħata d-Direttur tar-Riżorsi Umani tal-Awtorita’ biex ftit wara reġa ġie ingaġġat fl-istess kariga f’entita’ oħra li nibtet mill-istess Awtorita’.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ viġilanti biex min iservi f’dawn il-karigi jiggarantixxi l-governanza tajba u jħares ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.