Futbol Sport

Gilbert Agius kowċ tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena

(Ritratt: UEFA.com)

L-MFA ħabbret li Gilbert Agius se jkun qiegħed jieħu post Silvio Vella bħala kowċ tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena, b’Vella mistenni jibqa’ jaħdem fis-settur tekniku fi ħdan l-MFA.

Agius li għandu l-liċnezja tal-coaching, l-UEFA PRO fl-aħħar snin serva kemm bħala kowċ kif ukoll bħala assistent kowċ ta’ Valletta, kif ukoll kellu karriera twila u ta’ suċċess bħala plejer mal-istess Valletta. Agius lagħab ukoll 120 partita mat-tim nazzjonali Malti.

Taħt it-tmexxija ta’ Vella, it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena kiseb bosta suċċessi, b’ numru ta’ plejers jilgħabu wkoll mat-tim nazzjonali Malti. It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena fl-2017 taħt it-tmexxija ta’ Silvio Vella kiseb l-aħjar riżultati fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej ta’ taħt il-21 sena hekk kif temm dik l-edizzjoni bi 11-il punt.

Mark Gatt ikkonfermat kowċ tat-tim nazzjonali tan-nisa

Intant l-MFA ħabbret ukoll li Mark Gatt kien ikkonfermat bħala l-kowċ tat-tim nazzjonali Malti tan-nisa li se jwassal lit-tim Malti sal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2023.

Gatt ilu fit-tmexxija tat-tim nazzjonali sa mill-2015 fejn it-tim Malti tan-nisa wettaq progress kbir fejn saħansitra fl-aħħar fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej tal-2022, it-tim Malti kiseb rekord ta’ 10 punti b’rebħiet parra l-pajjiż kontra l-Ġorġja u Iżrael fost l-oħrajn.