Waqt laqgħa tal-MCESD bit-tema ‘Lejn Governanza Tajba’, il-Prim Ministru Robert Abela qal li sa mill-bidu nett tat-tmexxija tiegħu hu kien saħaq li kien se jagħmel il-governanza tajba priorità. Hu qal li baqa’ xi jsir speċjalment f’dawk li huma reati finanzjarji. Iżda naqas milli jitkellem dwar is-sitwazzjonijiet varji li affaċja fl-aħħar 12-il xahar – fosthom żewġ rapporti iebsin tal-NAO li kkundannaw kif mexa l-Gvern Laburista fejn jidħol il-power station tal-gass, u d-deal skandaluż tal-isptarijiet.
Tul il-laqgħa tal-imsieħba soċjali prinċipali f’pajjizna, il-Prim Ministru qal li fl-ewwel xhur il-Gvern ta sinjal b’saħtu biex ġab lura t-trankwillità fil-pajjiż. Dan b’referenza għaż-żmien diffiċli li għex pajjiżna fix-xhur ta’ qabel fil-kriżi politika tal-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat.
Dwar il-Moneyval hu qal li dak li kelna nagħmlu għamilnieh u wassal messaġġ li l-Gvern hu miftuħ għall-iskrutinju fosthom għal skrutinju tal-media. Hu qal li dawk fit-tmexxija tal-pajjiż huma fid-dover li jwieġbu għall-mistoqsijiet kollha tal-ġurnalisti.
Anke llum il-Prim Ministru uża l-frażi ‘naħarbu niġru’ b’referenza għan-negozji jekk pajjiżna jkollu governanza tajba.
F’diskors qasir qabel il-laqgħa, iċ-Chairperson tal-Kunsill tal-MCESD James Pearsall fakkar li mingħajr Governanza tajba ma jistax ikoln pajjiż serju u pajjiż li jiffjorixxi ekonomikament, u saħaq li rridu nħarsu lejha mhux biss fis-sens ta’ Gvern
Il-Ministru Carmelo Abela waqt diskors li għamel ukoll fil-bidu tal-laqgħa qal li dwar governanza tajba b’wiċċu minn quddiem, jista’ jgħid li dan il-Gvern dan it-test għaddieh.
//= $special ?>