Edukazzjoni Lokali

Ħajja kompluta tfisser ħajja serena lil hinn mill-ansjetà – Bernard Grech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jitkellem dwar is-saħħa mentali tal-istudenti

“Jeħtieġ li nifhmu li anke minħabba din il-pandemija, l-problemi ta’ saħħa mentali qegħdin jiżdiedu u qegħdin jaffettwaw il-kwalita’ tal-ħajja tal-istudenti. Jekk persuna ma tistax tgħix ħajja serena minħabba fl-ansjeta’ li tkun għaddejja minnu, allura l-ħajja ma tkunx waħda kompluta.” Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’laqgħa li kellu llum mal-Kunsill tal-Istudenti Universitarji (KSU) fi Students House fl-Universita’ ta’ Malta.

Bernard Grech saħaq li l-pandemija li qegħdin nesperjenzaw qegħda ċċaħħad lill-istudenti minn dawn il-memorji, u appella lill-istudenti u ż-żgħazagħ kollha sabiex jifhmu li flimkien ma’ kull persuna oħra għandhom ir-responsabbilta’ ċivika biex jagħmlu dawn is-sagrifiċċji neċessarji, xi kultant anki li ma jidhrux, sabiex innaqsu mit-tul tal-pandemija.

Hu qal ukoll li l-ġenerazzjoni żgħażugħa tal-lum se tkun waħda mill-aħjar li rat pajjiżna, għaliex is-sitwazzjoni preżenti marbuta mal-istess pandemija diġa’ dewqithom l-esperjenzi iebsa tal-ħajja, u għalhekk tista’ tkun ġenerazzjoni reżiljenti għall-futur u li “għalhekk intom se tkunu mexxejja t’għada aħjar, għaliex diġa’ tafu x’inhuma d-diffikultajiet ta’ madwarna.”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Universita’ hi l-benniena tal-futur edukattiv u professjonali ta’ pajjiżna fejn tul il-kors tal-istudji tiegħu wieħed jgħix l-isbaħ esperjenzi li jinbidlu minn ħbieb għal familja tal-għażla, u l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern sejjer jassigura li s-sistema edukattiva tkun waħda li ma tinkludix biss is-suġġetti klassiċi jew extra-kurrikulari biss, iżda rridu nħaddnu wkoll sistema ta’ critical education fejn il-persuna tiġi ffurmata u mhux biss infurmata.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali, Wirt Nazzjonali u ż-Żgħażagħ Karl Gouder, il-President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) Joseph Grech u s-Social Policy Officer tal-MŻPN Frederick Aquilina.