Lokali Qorti

Id-data tal-ġuri tas-Serb mixli bil-qtil ta’ Hugo Chetcuti issa għas-17 ta’ Ġunju

Ritratt: Martin Agius

Minn informazzjoni li kiseb Net News, il-ġuri tas-Serb mixli bil-qtil tan-negozjant Hugo Chetcuti issa huwa mmirat li jsir fis-17 ta’ Ġunju li ġej. Dan wara li dan il-ġuri kien ġie pospost għat-tieni darba u saħansitra anke tpoġġa sine-die.

Wara li kien ġie pospost f’April li għadda, l-ġuri kellu jibda jinstema’ l-bieraħ – it-Tnejn 25 ta’ Jannar, iżda minħabba l-pandemija tal-Covid-19 dan reġa ġie pospost.

Id-data tal-Ħamis 17 ta’ Ġunju taħbat l-Ħamis, ġurnata wara li l-ħaddiema tal-Qorti jibdew jaħdmu bin-nofs ta’ nhari. Is-Serb Bojan Cmelik qed jiġi akkużat li fis-sajf tal-2018 qatel lil Hugo Chetcuti, l-intraprenditur magħruf li kellu 52 sena.

Għall-ewwel kien qed jiġi antiċipat li Cmelik ta’ 36 sena, jibda’ għaddej ġuri f’Marzu li għadda, iżda dan ma seħħx minħabba li kien għad baqa’ xi xogħol legali relatat ma’ dan l-omiċidju.

L-avukati u l-familjari tal-vittma issa ngħataw data ġdida għall-proċess kontra r-raġel akkużat bil-qtil ta’ wieħed mill-aktar imprendituri magħrufa f’Malta.

Inizjalment kien ġie stabbilit proċess għal April, u li dan ma sarx minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19, li ittardjaw is-smigħ, u reġa’ ġara l-istess din il-ġimgħa.

Raġuni li l-ġurijiet kollha mhumiex isiru hija minħabba l-fatt li l-Qorti Kriminali tibgħat għal madwar 70 persuna biex jattendu l-Qorti u minnhom jitilgħu 12-il persuna bil-polza li jintgħażlu biex iservu bħala ġurati.

Dan ikun ifisser li jkun hemm wisq nies il-Qorti li jkunu ta’ periklu minħabba l-pandemija. Disa’ minn dawk li jintagħżlu jservu biex jiddeċiedu l-każ, li fosthom ikun hemm prim ġurat.

Tlieta oħra huma supplimenti, li xorta jsegwu l-ġuri u li iżda ma jkunux qed jiddeċidu fuq il-ħtija jew le tal-akkużat. Dawn it-tlieta jintagħżlu biex iservu bħala riżerva, biex f’każ li xi ħadd mid-disa’ jinqalalu xi ħaġa.

Minbarra l-ħafna persuni eliġibbli għall-ġurat, l-awla tkun ukoll ippakkjata bin-nies peress li ġuri jinvolvi ħafna nies oħrajn li jinkludu d-difiża, l-Prosekuzzjoni u l-parte-civile, barra ħaddiema tal-Qorti li jinkludu deputati, marixxalli, messaġġiera, skrivani, xufiera u d-diversi xhieda li jridu jagħtu d-depożizzjoni tagħhom fil-każ. Il-ġurarti magħżula jridu jkunu wkoll jgħixu f’lukanda tul il-proċess kollu.

Il-ġuri tas-Serb huwa appuntat biex jinstema’ quddiem l-Imħallef Edwina Grima. Chetcuti kien miet l-isptar wara li allegatament inqatel minn Cmelik, eks impjegat tal-Grupp Hugo’s, f’Paceville, f’Lulju 2018.

Inqatel waqt il-preparazzjoni biex jinftaħ negozju ġdid
Fis-7 ta’ Lulju 2018, Hugo Chetcuti stieden lill-qraba u l-Managers tiegħu biex jittestjaw il-menu ta’ restorant ġdid li kellu jispeċjaliżża fuq il-frott tal-baħar. Ir-restorant ġdid kien se jiftaħ fuq it-taraġ ta’ Paceville.

Għall-ħabta tal-10.00pm. Chetcuti ħareġ għal sigarett, flimkien ma’ ħuh Isaac, oħtu Sheryl, il-gwardjan tas-sigurtà tiegħu James Farrugia u l-Maniġer tal-proġett ta’ Hugo’s Group – Simon Attard. Oħt Chetcuti u l-gwardjan kienu telqu biex iżuru stabbiliment fil-qrib.

Kien f’dan il-mument li Cmelik, liebes kappell tat-tiben, avviċina lil Hugo Chetcuti, li kien bilqiegħda fuq banketta, u għajjat ​​ismu. Chetcuti qabad lis-Serb minn driegħu biex jgħannqu, iżda allegatament l-akkużat minn wara daħħal idu ma’ għonq l-imprenditur, u allegatament tah żewġ daqqiet ta’ sikkina fl-istonku u ħarab.

Eventwalment l-akkużat inqabad f’Tas-Sliema u kien hemm xnigħat li l-qtil kien wieħed premeditat. Cmelik qed iwieġeb mhux ħati u baqa’ jirrifjuta li jagħti lill-Pulizija raġuni għaliex ta daqqiet ta’ sikkina lil Chetcuti.

Hugo Chetcuti huwa mfakkar mhux biss għas-suċċessi tiegħu fin-negozju iżda għall-karità tiegħu. Ftit tal-jiem qabel l-inċident kien offra l-għajnuna tiegħu għas-sorijiet tal-Ursolini fejn fi żjara li għamel fil-kunvent tagħhom f’Tas-Sliema huwa ra l-ħidma tas-sorijiet u offra li jgħinhom fil-proġetti tagħhom fosthom fil-pool u fl-air conditioners fil-kmamar tat-tfal u tal-logħob.

L-Avukat Joseph Giglio qed jidher bħala parti-ċivili għan-nom tal-familjari tal-vittma. Il-Prosekuzzjoni fi’dan il-każ kienet tmexxiet mill-Ispettur Nikolai Sant. L-akkużat qed jiġi difiż mill-Avukat Joe Brincat. Cmelik kien jgħix ma ħuh f’Tal-Pietà u kien impjegat f’Bacco u Hugo’s Terrace.

Ġuri fl-Italja bi 355 akkużat
Ħafna mill-avukati li jservu fil-Qorti Maltija huma tal-fehma li hemm il-ħtieġa li jsir xi ħaġa biex ma jkomplix jintilef ħin fuq każijiet ta’ ċerta portata.

Fit-13 ta’ Jannar li għadda fl-Italja beda wieħed mill-iżjed ġurijiet kruċjali u importanti kontra 355 membru tal-mafja u uffiċjali korrotti wara investigazzjoni minn uffiċjali tas-sigurtà Taljani dwar il-grupp Ndrangheta.

Iżjed minn 900 xhieda huma mistennija jagħtu l-evidenza tagħhom u l-lista tal-akkużi tinkludi omiċidji, traffikar tad-drogi, rikatti u ħasil ta’ flus. Il-ġuri fl-Italja mistenni jdum iżjed minn sentejn.

Il-proċeduri qed isiru f’bini fil-belt ta’ Lamezia Terme li kien modifikat apposta għall-ġuri fir-reġjun tan-nofsinhar tal-Calabria li jinsab fil-qalba tat-territorju tal-Ndrangheta.

Waqt proċeduri ta’ qabel il-ġuri, ittieħdu iżjed minn tliet siegħat biex jinqraw l-ismijiet tal-akkużati li jinkludu politiċi, uffiċjali tal-pulizija, uffiċjali taċ-ċivil, kif ukoll membri u kompliċi tal-Ndrangheta.