Coronavirus Lokali Saħħa

Id-Deputat Stephen Spiteri u l-Ministru Chris Fearne jieħdu t-tilqima

“Agħmlu kuraġġ – f’din il-battalja jkunu inutli s-sagrifiċċji jekk ma naċċettawx il-vaċċin”. Sostna dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, t-tabib Stephen Spiteri, meta dalgħodu rċieva l-ewwel doża tat-tilqima kontra l-Covid-19.

Id-Deputat Nazzjonalista sostna li madanakollu, minkejja r-roll out tal-vaċċin, xorta waħda huwa importanti li l-poplu jkompli jħares il-miżuri maħruġa mill-Awtorità tas-Saħħa.

Dan filwaqt li Stephen Spiteri faħħar il-ħidma tal-istaff mediku u dawk il-frontliners li qed jassistu lill-poplu tul din il-pandemija.

Flimkien miegħu, irċieva l-ewwel doża tat-tilqima l-Ministru Chris Fearne li spjega li minn din il-ġimgħa ser jingħata bidu għat-tilqim tal-istaff tal-ispiżeriji lokali kif ukoll li dawk il-persuni li għandhom ‘il fuq minn 80 sena ser ikunu qed jirċievu stedina ta’ vaċċinazzjoni.

Intant, il-Ministru għas-Saħħa reġa’ tenna li pajjiżna huwa mistenni jikseb il-herd immunity kontra din il-pandemija f’Settembru… stqarrija kontrastanti għall-aħħar minn normalità f’Mejju li wiegħed il-Prim Ministru Robert Abela.