Lokali Parlament

Il-ġustizzja riparattiva għandha tissaħħaħ

Carm Mifsud Bonnici, PN

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici appella biex il-liġi tal-parole tissaħħaħ, issib l-appoġġ neċessarju u tkun implimentata.

Fil-parlament id-deputat Nazzjonalista qal li din il-liġi dwar il-ġustizzja riparattiva tal-2012 qed titlef l-importanza. . Din il-liġi kellha l-intenzjoni li n-nies li jiksru l-liġi u jispiċċaw il-ħabs, jingħataw l-għodda biex joħorġu mill-ħabs riformati u jibdlu ħajjithom.

Hu qal li mill-2013 kien hemm 694 talba għal parole li 144 talba minnhom kienu milqugħa; 21% biss. Din hi preokupazzjoni għaliex jidher li l-pajjiż mhux jinvesti biżżejjed fil-ħabs biex iktar priġunieri jidu għall-parole.

Hu kompla li jinsab preokuppat minħabba li sal-2020 fil-ħabs kien hemm 864 persuna; 808 irġiel u 56 nisa. 70% kienu qed jiskontaw sentenza u 30% kienu qed jistennew il-proċess tagħhom isir.

Dan hu inkwetatti minħabba li n-nies fil-ħabs qed jiżdiedu u għax tindika li s-sistema tal-ġustizzja riparattiva mhix qed taħdem. Id-deputat Nazzjonalista qal li hemm għodda li jippermettu lin-nies li joħorġu riformati u kompla li fl-2005 kien hemm 300 persuna l-ħabs. Dan ifisser li llum qed ikun hemm iktar minn persuna waħda f’ċella.

Din iż-żieda ma tirriflettix it-tkabbir tal-popolazzjoni u turi li hemm bżonn rimedji. Is-soluzzjoni mhix li jsiru iktar ħabsijiet; minbarra l-parole hemm mekkaniżmi varji oħra biex il-persuni joħorġu mid-diffikultajiet.

Jeħtieġ li l-liġi tal-ġustizzja riparattiva jkollha iktar appoġġ għall-Gvern għaliex din hi għodda għall-futur. Il-mentalità u l-kultura jridu jinbidlu mhux biss għas-soċjetà iżda għall-implimentazzjoni tal-liġi.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-kooperazzjoni bejn id-dipartimenti involuti mhux qed issir.