Lokali Saħħa

“Il-Gvern ma tgħallem xejn” – UĦM

“Il-Gvern qed jerġa’ juri li ma tgħallem xejn meta qed jerġa jinnegozja ma’ Steward dwar it-tliet sptarijiet għaldarboħra minn wara dahar kulħadd u mingħajr ma jikkonsulta mal-unions fost oħrajn”.

Hekk stqarr Josef Vella, Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workerrs, li spjega kif il-Prim Ministru u l-Gvern qed jerġa’ jħalli barra lill-unions minn diskussjonijiet li qed ikollu mas-sidien ġodda tal-isptarijiet Maltin wara li kien diġà għamel dan snin ilu ma’ Vitals.

Josef Vella kien preżenti għal-laqgħa tal-MCESD bit-tema ċentrali tkun il-l-governanza tajba, iżda Vella qal li inutli jsiru l-laqgħat dwar il-governanza tajba u mbagħad jiġu injorati l-unions, li jibqgħu mhux ikkonsultati. Hu importanti, qal Vella, li l-Gvern jitkellem mad-diversi msieħba qabel ma jsir il-ftehim, u mhux wara li jiffirma u jorbot ruħu.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni tal-ħaddiema ta’ Steward li ilhom jistennew li jingħataw titjib fil-kundizzjonijet, u li sa issa baqgħu fejn kienu. Hu appella lill-Gvern biex jaħdem fuq dan sabiex tissolva s-sitwazzjoni u jiġu evitati azzjonijiet industrijali.

Dwar l-importanza tal-governanza tajba u kif din teffettwa anke n-negozju fil-pajjiż kellimna David Xuereb, President tal-kamra tal-Kummerċ, li fakkar kif pajjiżna għadu jiftakar xi jfisser meta jkun hemm xquq fil-governanza u qal li l-Kamra tal-Kummerċ kontinwament tagħmel il-proposti tagħha dwar il-governanza, bl-aħħar kontribut ikun rapport dettaljat dwar kif għandu jitjieb il-proċess tax-xiri tal-Gvern.

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union Josef Bugeja wkoll qasam l-istess hsieb u qal li l-governanza tajba trid tkun f’kull organizzazzjoni. Bugeja qal li pajjiżna jrid jara  li jkollu struttururi ta’ kontabilità għal kulħadd jekk verament irridu naraw governanza tajba.