Lokali Parlament

Il-Gvern qed jinjora d-diffikultajiet soċjali tan-nies

Ivan Bartolo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li l-Gvern tant hu maqtugħ mir-realtà soċjali tal-poplu li qed jinjora d-diffikultajiet kbar li qed jiffaċċjaw in-nies.

Fil-parlament Ivan Bartolo sostna li dawk li qed igawdu għandhom jgħinu lill-persuni li għaddejjin minn diffikultajiet kbar biex ilaħħqu mal-ħajja. Id-deputat Nazzjonalista sostna li l-batuti għandhom ikunu mgħejjuna għax donnu li l-kreaturi superjuri ma jifhmux li hawn min qed ibati l-esklużjoni soċjali u ma jiekolx kieku m’hawnx il-food banks li qed jiżdiedu kontinwament. Dawn huma maqfulin fit-torri tal-avorju; meta tkun inviżibbli n-nies ma tarax u int tara dak li jaqbillek biss.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-foqra m’għandhomx flus biżżejjed mhux bħal minn pjana l-paga tiegħu qabel ċertu pożizzjonijiet bħall-Gvernatur Ċentrali u żied il-paga tiegħu bi 12% għal €100,000. Dan hu Gvern tas-serial cheaters li m’għamel xejn quddiem min qed djiġi żgumbrat.

Ivan Bartolo kompla li ħafna minnhom huma anzjani inkwetati u mhux qed iħossuhom protetti mill-Gvern tagħhom stess. Dawn tilfu l-fiduċja, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla l-Gvern issa qed jipprova jirranġa din is-sitwazzjoni iżda l-gideb iżommok ‘il bgod mill-verità.

Id-deputat Nazzjonalista qal li fid-djar hemm min mhux jitpoġġa fil-lista ta’ stennija minħabba raġunijiet mhux validi. Il-pjaga tal-kirijiet għadha hemm; anki l-Prim Ministru hu allarmat b’dawn l-iżgumbramenti. Dan se jwassal għal faqar ġdid fejn il-Gvern baqa’ jqassam lil min qed jieħu ħafna u jżomm lura lil min fil-problemi. Ħafna minn dawn huma anzjani li jesiġu soluzzjonijiet. Din hi bomba li splodiet iżda l-Gvern jinsab passiv u qed iwarrab.

Ivan Bartolo qal li l-PN qed jaħdem fuq soluzzjoni għaliex l-ammont ta’ nies jorqdu barra fil-karozzi qed jikber. Il-Gvern għandu jassigura li ma ssirx inġustizzja mas-sidien; il-Gvern jaf bl-istress li qed jinħoloq fuq dawn il-familji. Il-bnedmin saru numri u voti għall-Gvern Laburista; il-poplu mhux iħossu protett mill-Gvern tiegħu kemm dawk li jikru kif ukoll is-sidien.

Hu semma’ l-isfidi tal-ġenituri bi probemi partikolari ta’ wliedhom fosthom dawk tal-OT u qal li minħabba l-COVID it-terapija hi online. Din mhix effettiva u s-CDA qed jobdu d-direttiva tal-awtoritajiet tas-saħħa. Il-ġenituri qed ikollhom imorru fi kliniċi privati għal €40 s-siegħa biex it-tfal ma jmorrux lura. Dwar dan hemm skiet kbir mill-awtortitajiet, sostna Ivan Bartolo.