Lokali

Il-Ministru Silvio Schembri għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-ksur tal-etika – Repubblika

“Il-Ministru Silvio Schembri għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-ksur tal-etika.”

Hekk sostniet l-għaqda Repubblika fejn stqarret li ma jistax ikun li dan il-pajjiż jibqa’ wieħed fejn il-ksur tal-kodiċi tal-etika minn ministru tal-Gvern jibqa’ għaddej qisu qatt ma kien xejn.

Repubblika ikkundannat lill-Ministru Silvio Schembri għall-fatt li nstab ħati mill-Kummissarju mill-Istandards li kiser il-kodiċi ta’ etika tal-ministri u s-segretarji parlamentari u għaldaqstant saħqet li qed tistenna li huwa jerfa’ r-responsabbiltà għal din l-imġieba ħażina tiegħu.

Dan wara li l-Kummissarju sostna fir-rapport tiegħu li din l-imġieba tikser l-imparzjalità tas-servizz pubbliku u fiha l-ministru ma jagħmilx differenza bejn xogħolu bħala ministru għall-pajjiż kollu u bħala membru ta’ partit politiku.

Dan filwaqt li Repubblika innotat li d-Dipartiment tal-Informazzjoni ġie abbużat mill-Ministru għal skop partiġġjan.

Għaldaqstant Repubblika spjegat li qed tistenna li l-Kap tas-Servizz Pubbliku Mario Cutajar jiżgura li dan is-servizz ikun imparzjali kif titlob il-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Dan filwaqt li appellat lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex iwettaq dmiru u jara li l-ministri tiegħu iġibu ruħhom sewwa u għalhekk huwa obbligat li jieħu passi jekk il-ministru Schembri ma jagħmel xejn.