Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li wettaq atti sesswali ma’ tifel ta’ 10 snin

Raġel li 32 sena mill-Pakistan li joqgħod Raħal Ġdid inżamm arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri li abbuża minn tifel ta’ 10 snin meta fid-dar tiegħu (tal-akkużat) stess ikkommetta atti ta’ natura sesswali. Huwa wieġeb li mhuwiex ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Asher Anwer ġie mixli li tul il-perjodu tas-sena 2020 u sat-22 ta’ Jannar li għadda wettaq dawn l-atti mingħajr il-kunsens tat-tifel, u li ġiegħlu jagħmel atti ta’ intimità fiżika. Huwa ġie mixli wkoll li l-imġieba tiegħu wasslet għall-konotazzjonijiet sesswali, nkluż b’xi kliem, mossi offensivi u intimidatorji.

Anwer li ffaċċa tmien akkużi kien mixli wkoll li xerred materjal indiċenti fuq persuna vulnerabbli u li fit-22 ta’ Jannar li għadda pparteċipa f’attivitajiet sesswali mat-tifel. Ġie mixli wkoll li wettaq atti sesswali ma’ persuna li għadha m’għalqitx is-16-il sena.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Roxanne Tabone u Paul Camilleri. L-Avukat Martin  Fenech li deher għal Anwer għamel talba għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona fuq diversi fatturi fosthom li għad baqa’ xhieda pajżana biex jagħtu d-depożizzjoni tagħhom fil-Qorti, n-natura tar-reati u l-fatt li l-VISA tal-akkużat waslet biex tiskadi. Il-Qorti ċaħdet it-talba u ordnat li l-Pakistani jinżamm taħt arrest.