Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte irriżenja mill-kariga. Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet Taljana ANSA, Conte laqqa’ l-kabinett iktar kmieni dalgħodu fejn irringrazzja lill-ministri għax-xogħol tagħhom. F’nofsinhar hu mistenni jmur għand il-President tar-Repubblika Sergio Mattarella u jippreżenta formalment l-ittra ta’ riżenja.
Din l-aħħar kriżi tal-Gvern Taljan waslet wara l-ħruġ ta’ wieħed mill-partiti fil-koalizzjoni tal-gvern. Il-Partit Italia Viva, immexxi mill-eks PM Taljan Matteo Renzi, ħareġ wara nuqqas ta’ qbil ma’ Conte dwar kif se jintefqu l-fondi Ewropej ta’ rkupru mill-pandemija.
Giuseppe Conte rebaħ żewġ voti ta’ fiduċja, kemm fil-Kamra tar-Rappreżentanti kif ukoll fis-Senat, iżda f’dan tal-aħħar hu ma kisibx il-maġġoranza assoluta tal-appoġġ tas-Senaturi.
//= $special ?>