Lokali

Kontenut partiġġjan minn Silvio Schembri fi stqarrija tad-DOI – Il-Kummissarju għall-Istandards

“Stqarrijiet uffiċjali maħruġin permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni m’għandhomx jinkludu kontenut ta’ natura politika u partiġġjana.” Din kienet il-konklużjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler.

Il-Kummissarju għall-Istandards kien mitlub mill-Professur Kevin Cassar biex jinvestiga stqarrija maħruġa mill-Ministru Silvio Schembri fit-8 ta’ Ottubru li għadda b’rabta mad-deċiżjoni tar-Reġistru tal-Kumpaniji li jaqta’ madwar 10,000 kumpanija mir-Reġistru. F’dik l-istqarrija, intuża kliem dispreġjattiv u ta’ natura partiġġjana fil-konfronta tal-Oppożizzjoni u tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

Il-Kummissarju sab li din l-istqarrija minn Silvio Schembri u maħruġa mid-DOI kienet ksur ta’ etika mill-Ministru ġaladarba il-ministri huma obbligati li jirrispettaw in-newtralita’ tas-servizz pubbliku.

“Sew il-ministri, kif ukoll membri tal-Oppożizzjoni jistgħu jużaw mezzi ta’ komunikazzjoni personali jew tal-partit biex joħorġu stqarrijiet b’kontenut politiku partiġġjan, iżda jkun abbuż jekk id-Dipartiment tal-Informazzjoni jintuża għal dan il-għan,” sostna l-Kummissarju.

L-istqarrija maħruġa mill-Uffiċċju għall-Istandards tkompli li l-Ministru Schembri kitiblu biex jirrikonoxxi li l-istqarrija “setgħet titqies bħala partiġġjana żżejjed” u ntrabat li “jagħmel kull sforz biex jevita stqarrijiet simili meta dawn jinħarġu permezz tad-DOI.”

Għaldaqstant, il-Kummissarju għall-Istandards laqa’ l-ilment u fid-dawl tal-ittra mibgħuta minn Silvio Schembri fejn qed jirrikonoxxi l-ksur tal-etika, il-każ qed jitqies bħala magħluq.