Lokali Parlament

L-istandards fil-kostruzzjoni għandhom ikunu prijorità

Joe Ellis, PN

Id-deputat Nazzjonalista Joe Ellis enfażizza l-importanza li s-setturi kollha fl-industrija tal-kostruzzjoni għandhom ikunu regolati u jkollhom l-istandards bħala prijorità.

Fil-parlament id-deputat Nazzjonalista Joe Ellis qal li d-dritt taċ-ċittadin li jitlob inkjesta maġisterjali għandu jissaħħaħ u mhux jiddgħajjef. Il-Maġistrati Inkwerenti m’għandhomx il-poteri li għandhom fl-Italja; dan hu nuqqas kbir fis-sistema għaliex il-maġistrati f’Malta jridu jlaħħqu ma’ ħafna affarijiet oħra. Il-maġistrati għandu jkollhom ukoll id-dritt li jibdew inkjesti minn jeddhom.

Joe Ellis kompla li hu importanti li tidħol serjetà għaliex is-settur jimpjega eluf ta’ nies u hu importanti għall-ekonomija tal-pajjiż. Is-settur tal-kostruzzjoni fih nuqqasijiet kbar li issa qed isiru iktar evidenti minħabba nuqqas enormi ta’ standards.

Hu qal li l-industrija tal-bini hi wieħed mill-problemi ta’ tniġġiż fil-pajjiż; id-djar għandhom isiru iktar effiċjenti biex ikun hemm inqas telf ta’ enerġija. L-industrija tal-bini trid toħroġ mill-mentalità li kellha u trid tħaddan il-prinċipji li tgħin għal ekonomija sostenibbli u li tkun mingħajr karboniċi.

Dwar il-Kodiċi Nazzjonali għall-Inustrija tal-kostruzzjoni, Joe Ellis qal li hu importanti li jsiru dawn l-istandards u appella li dawn l-istandards għandhom ikunu raġonevoli u jkunu implimentati b’mod gradwali.

Importanti li jsir tagħlim fl-oqsma kollha relatati mal-industrija tal-bini, sostna Joe Ellis, li kompla li kulħadd għandu jkollu liċenzja biex jopera.

Id-deputat Nazzjonalista qal li se jkun hawn koerenza sħiħ għaliex il-kundizzjonijiet fil-liġi mhux se jkunu applikati għal kulħadd; jekk se jkun hemm eċċezzjonijiet dawn iridu jkunu ġustifikati u spjegati.

Din is-sitwazzjoni se tagħti lok għal ħafna tħassib u għandu jkun hemm riflessjoni fuq jekk għandhiex tiddaħħal. Il-ministru se jkun jista’ jagħti kull poter lill-Awtrorità dwar il-Kostruzzjoni; liema poteri m’humiex speċifikati fil-liġi. Dan għandu jir biss billi jkun hemm emenda fil-liġi għaliex ssa l-ministru se jkollu l-poter li jwessa’ l-poteri ta’ din l-Awtorità.