Lokali Qorti

Libjan jammetti li fera’ ħafif Surġent u Kuntistabbli tal-Pulizija

Libjan ta’ 34 sena li jaħdem bħala parrukkier qed jirriskja li jispiċċa l-ħabs wara li ammetta li fl-10 ta’ Jannar li għadda filgħaxija fil-Marsa mingħajr ħsieb li joqtol jew li jqiegħed il-ħajja ta’ ħaddieħor f’periklu ċar fera ħafif lis-Surġent Gareth D’Amato u lill-Kuntistabbli Waylon Cassar.

Faraj Mohammed El Ragig minn Benghazi qal lill-Maġistrat Neville Camilleri li minkejja li jista’ jispiċċa l-ħabs fuq ammissjoni ma kienx se jmur lura mill-kelma tiegħu. Qal li huwa joqgħod faċċata tal-ħabs, li jfisser li l-probabilità hija li r-residenza futura tiegħu se tkun kemm wieħed jaqsam it-triq.

Il-Libjan ammetta wkoll li attakka u rreżista bi vjolenza żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija, li heddidhom u nġurjahom bil-ħsieb li jbeżżagħhom, li ma obdiet l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u li kiser l-ordni u l-paċi pubblika.

L-Avukat Martin Fenech li deher għal Libjan qal li dan kien inċident ta’ darba, waqt li kien ma’ sħabu fejn intilef minn sensih u li lanqas jaf x’ġara u għaldaqstant talab li s-sentenza tkun fil-minimu possibbli. Xorta qal l-Avukat li dan l-aġir mhux wieħed skużabbli.

L-Ispettur Andy Rotin li ressaq lil El Ragig qal li din ma kinitx l-ewwel darba li l-ħati wettaq reati simili fuq Pulizija. Fil-fatt din hija t-tielet darba li ħebb għall-uffiċjali fil-Korp. Huwa minnu qal l-Ispettur li kkopera mal-Pulizija, iżda huwa fatt li l-Libjan għandu problema li jieħu sustanza llegali, l-aktar droga sintetika.

Rotin qal li kull darba li l-Pulizija jmorru biex jgħinuh, dan jispiċċa jħebb għalihom. Il-Qorti qalet li kienet se tgħaddi għas-sentenza nhar it-Tlieta, 2 ta’ Frar fl-10.00am.