Lokali

Robert Abela jibqa’ jiddefendi lil Ian Borg

In-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tal-Prim Ministru Robert Abela fil-konfront tal-Ministru Ian Borg hija dagħwa kontra l-governanza t-tajba.

Dan intqal fl-Editorjal tal-ġurnal Times of Malta fil-ħarġa tat-Tlieta fejn inghad li l-Ministru Borg għandu problema serja ta’ kredibilita. L-Editur insista li Ian Borg ilu involut f’kontroversja wara l-oħra u stqarr li qed issir ħaġa komuni li tqum il-mistoqsija jekk l-aġir tal-Ministru tat-toroq huwiex aċċettabli.

Il-Ministru Ian Borg saħansitra kien dabbar ċamata meta fl-aħħar ta’ Novembru l-Qorti ddeskriviet l-evidenza li provda Ian Borg f’każ ta’ libell bħala mhux kredibbli – bil-Prim Ministru Robert Abela jinjora għal kollox din id-dikjarazzjoni mingħajr ma jieħu l-passi meħtieġa.

Mistoqsi minn Net News it-Tlieta filgħodu, dwar jekk hux komdu li jkollu fil-kabinett tiegħu Ministru mhux emmnut mill-Qorti l-Prim Ministru Robert Abela sostna li joqgħod fuq dak li qalet il-Qorti… imma fl-istess nifs għamel eloġju lil Ian Borg.

Intant il-Kummissarju tal-Istandards Pubbliċi ukoll stqarr li ma jemminx lill-Ministru Borg f’xi ħaġa oħra. Dan wara li Ian Borg sostna li ma semmiex l-isem t’ Alla fil-batal dirett waqt xandira televiżiva fuq il-midja Laburista. Il-Kummissarju sostna li Borg lissen dan id-diskors u ma qabilx mal-ispjega tal-Ministru.

Mistoqsi dwar dan minn Net News Ian Borg wieġeb li l-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler, “qal li qal.”

Intant, meta kien mistoqsi jekk jaqbilx li tittieħed l-art tal-bdiewa Qriema minħabba l-proġett tal-flyover fl-Imrieħel …..Ian Borg wieġeb li l-proġetti hemm bżonn li nagħmluhom.

Mistoqsi għal liema raġuni l-bdiewa kellhom isejħu huma laqgħa ma’ Infrastructure Malta – bħal ma tixhed din l-ittra bl-avukat – l-Ministru tat-toroq kompla jsabbat saqajh.