Lokali Qorti

Talba biex żagħżugħ bi problema ta’ droga li mistenni jispiċċa l-ħabs jirriforma ruħu

Permezz tal-avukat tiegħu, żagħżugħ ta’ 27 sena, residenti Ħaż-Żabbar li mistenni li jispiċċa l-ħabs għamel talba biex jingħata l-għajnuna kollha sabiex jirriforma ruħu u jeħles darba għal dejjem mill-problema akuta li għandu ta’ droga.

Jehiel Falzon ammetta każ ta’ ‘snatch and grab’ li huwa wettaq fid-9 ta’ Jannar li għadda f’Ħaż-Żabbar stess fil-konfront ta’ anzjana ta’ 66 sena, u li l-għada seraq oġġett min karozza u li għamel ħsara fuq l-istess karozza, li ma teċċedix il-€200. Huwa ammetta wkoll li sar reċidiv.

L-Avukat Martin Fenech qal li Falzon għandu problema ta’ droga u li wettaq is-serq sforz il-vizzju li għandu. Tenna li jixtieq li jibdel ħajtu għax hu mhuwiex kriminal u talab il-minimu fis-sentenza li hija ta’ sentejn ħabs u biex fil-frattemp joqgħod għall-programm.

Fenech talab lill-Maġistrat Neville Camilleri biex il-Qorti tikkunsidra kollox. L-Ispettur Lydon Micallef li flimkien mal-Ispettur Stephen Gulia mexxa l-Prosekuzzjoni qal li Falzon ikkopera mal-Pulizija, bil-Qorti għandha wkoll tieħu inksiderazzjoni tat-trawma li għaddiet minnha l-anzjana meta ġiet misruqa.

Madankollu huwa qabel li l-ħati jingħata l-għajnuna kollha possibbli mill-problema tad-droga. L-Avukat Fenech talab ukoll lill-Qorti biex din tagħmel rakkomdazzjoni lid-Direttur tal-Ħabs biex il-klijent tiegħu jingħata l-għajnuna kollha disponibbli. Is-sentenza tħalliet għan-nhar it-Tlieta, 2 ta’ Frar li ġej.