Lokali

The Malta Independent tgħid li Bernard Grech qed jieħu l-attitudni t-tajba

Il-Partit Nazzjonalista jinsab fit-triq it-tajba. Grazzi għall-istudju soċjo-ekonomiku dwar Għawdex li qiegħed iwettaq, il-Partit Nazzjonalista ħa pożizzjoni politika ċara li sabiex partit jagħmel il-proposti tiegħu, l-ewwel u qabel kollox għandu jifhem verament is-sitwazzjoni tal-pajjiż.

Dan ingħad fl-Editorjal tal-ġurnal The Malta Independent fil-ħarġa tat-Tlieta fejn l-editur ifaħħar il-politika li qed jintroduċi l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech – billi jisma’ u jitkellem maċ-ċittadini nfushom sabiex bħala Partit jifhem minn xiex jgħaddi l-poplu fil-ħajja ta’ kuljum.

L-editur spjega li l-politiċi għandhom id-dmir li jifmhu s-sitwazzjoni tal-Għawdxin, specjalment fejn tidhol il-konnettivita bejn iz-zewg gzejjer.

Filwaqt li dan l-editorjal faħħar l-inizjattiva tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li nieda dan l-istudju, deskritt minn Bernard Grech stess bħala bidu ta’ paġna ġdida anke għall-gżira Għawdxija, l-editur insista li tali inizjattiva għandha sussegwentament tiġi mifruxa fuq diversi reġjuni f’Malta wkoll.

L-Editorjal jistaqsi jekk il-Gvern hux qiegħed jagħmel hekk ukoll jew jekk hux moħħu biss fl-ekonomija u sussegwentament nesa l-impatt soċjali li kellhom ċertu deċiżjonijiet li ttieħdu minnu. L-Editur jistaqsi jekk sinċerament il-Maltin iridux lil pajjihom isir Dubaj oħra fil-Mediterran – u jekk fil-verità twettqux studji dwar dan l-iżvilupp kollu.