Għawdex Lokali

NIŻVELAW: Żewġ qassisin mix-Xagħra se jitressqu l-Qorti t’Għawdex akkużati bi stupru fuq abbati

Il-kaz kien irrappuratat lis-Safeguarding Commission fi ħdan il-Kurja

Żewġ qassisin anzjani li kienu jservu fil-paroċċa tax-Xagħra u li ilhom jiġu nvestigati mill-Pulizija dwar allegat każ ta’ stupru fuq abbati se jkunu akkużati l-Erbgħa fil-Qorti ta’ Għawdex.

Huwa mifhum li l-każ kien ilu li ġie rrappurtat mill-vittma iżda kien f’dawn l-aħħar jiem ta’ investigazzjonijiet, li l-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji ġabret biżżejjed provi sabiex tkun tista’ tipproċedi kriminalment fil-konfront taż-żewġ qassisin li se jkunu akkużati b’allegat stupru u korruzzjoni ta’ minorenni.

L-allegati abbużi seħħew diversi snin ilu, meta l-allegat vittma kien
abbati. Fil-fatt il-każ imur lura aktar minn 20 sena fejn wieħed mill-qassisin li kellu pożizjoni għolha fi ħdan il-knisja f’Għawdex, kien diġa beda jiġi nterrogat mill-Pulizija.

Allegatament l-abbuż fuq l-abbati kien dam sejjer fuq perjodu ta’ erba’ snin, u li huwa kien dam ħafna qabel għamel rapport lill-Pulizija dwar dak li kien għadda minnu.

Fil-fatt l-allegat vittma, li llum huwa adult jidher li baqa’ jippressa fuq il-każ. Iż-żewġ qassisin kienu arrestati lbieraħ u matul il-ġurnata tal-lum kienu nterrogati fit-tul fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana.

Minn informazzjoni li għandu NET News, wieħed mill-qassisin għamel perjodu barra minn Malta u kien iservi fl-Awstralja. Il-każ beda jiġi investigat mill-Pulizija wara rapport li sar lis-Safeguarding Commission fi ħdan il-Kurja.

Iż-żewġ membri tal-kleru se jkunu qegħdin jitressqu l-Qorti t’Għawdex fit-8:30am quddiem il-Maġistrat Monica Vella.