Lokali Qorti

19-il ġimgħa ħabs mill-Qorti ta’ Southampton għal żagħżugħ ta’ dixxendenza Maltija

Żagħżugħ ta’ dixxendenza Maltija  minn Devon, l-Ingilterra ġie kkundannat 19-il ġimgħa ħabs minn Qorti f’Southampton wara li ammetta ħebb u hedded żewġt irġiel fi stazzjon ta’ pompa tal-petrol f’Hampshire.

Jake Baldacchino ta’ 26 sena li għandu kondotta kkulurita wettaq dan ir-reat waqt li kien f’sakra ma jarax art fil-pompa tal-petrol li tinsab f’Passfield Avenue, ġewwa l-villaġġ ta’ Eastleigh

Mill-provi fil-Qorti rriżulta li Baldacchino għajjar ukoll lill vittmi bħala “pedofili” waqt l-inċident li seħħ fit-13 ta’ Ottubru li għadda. Il-Prosekuzzjoni, mmexxija mill-Barrister Rose Burns qalet kif Baldacchino l-ewwel poġġa spallejh fuq il-vittmi u wara qabadhom minn għonqhom u mar warajhom f’garaxx. 

Irriżulta li minkejja li kien huwa kien jagħmel parti minn grupp ta’ erba’ persuni, huwa ġie deskritt bħala l-prinċimess f’din l-aggressjoni. L-Imħallef Peter Henry sema’ fil-Qorti kif membri tal-istaff tal-pompa tal-petrol ippruvaw jikkalmawh imma hu kompla jgħajjat ​​u jikkawża problemi, 

Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li Baldacchino ta’ daqqa ta’ ħarta liż-żewġt irġiel u saħansitra hedded li kien se jattakka lil missierhom. Meta Baldacchino ġie interrogat mill-Pulizija, huwa qal li kien qed jimmissja ħafna lil bintu u li minkejja kollox ma jqis lilu nniffsu bħala missier ħażin. 

Huwa ġie mixli b’żewġ akkużi dik li attakka persuni u li ksur ta’  ordni pubbliku – qabel ma  wieġeb ħati. Il-kondotta tiegħu tinkludi 12-il kundanna għal 16-il reat fosthom danni u ħsara kriminali.

L-Avukat difensur tiegħu, Gaylene Cole, qalet fil-Qorti li l-klijent tagħha huwa dispjaċut ħafna għal dak li għamel. Żiedet tgħid li ma kellux konnoxxenza tal-ġrajja minħabba l-ammont ta’ alkoħol li kien ikkonsma. Fis-sentenza tiegħu l-Imħallef Henry sejjaħ lil Baldacchino bħala ‘bully’ u bniedem irrresponsabbli.