Futbol Sport

Andre Schembri offrut kuntratt minn stazzjon ewlieni televiżiv fl-Indja

Il-paġna ta’ Replay fuq Facebook, żvelat b’esklussiva li l-eks plejer internazzjonali Malti, André Schembri kien offrut kuntratt minn Star Sports India, kumpanija fl-Indja, li għandha numru ta’ stazzjonijiet sportivi fil-pajjiż u li għandha d-drittijiet esklussivi fuq ix-xandir tal-Indian Super League fl-Indja stess, sabiex ikun wieħed mill-mistiedna residenti tal-programmi li jixxandru qabel, waqt u wara kull partita mill-Kampjonat Indjan.

Schembri, li f’Marzu li għadda irtira minn plejer tal-futbol, lagħab l-aħħar fl-Indja meta temm il-karriera tiegħu f’dan il-pajjiż bħala plejer mal-klabb popolari, Chennaiyin. Għalkemm lagħab biss għal staġun wieħed, Schembri malajr sar personalitá maħbuba u popolari, kemm mill-partitarji tal-istess klabb kif ukoll fost l-udjenza Indjana li ssegwi l-futbol f’dan il-pajjiż. Kien għalhekk li Replay (Net Television) hu inufrmat, li Star Sports India, aktar kmieni dan ix-xahar, offrew kuntratt attrajenti ta’ tliet xhur lil Schembri, biex dan jerġa’ jirritorna fl-Indja, din id-darba bħala wiċċ televiżiv u bħala opinjonista u mistieden residenti għall-programm li janaliżża l-partiti tas-Super League fl-Indja u li hu segwit minn miljuni ta’ nies, kemm fl-Indja kif ukoll barra mill-pajjiż.

Madankollu, l-aġenzija Replay irrapurtat kif Schembri kellu jirrifjuta din l-offerta mhux tas-soltu iżda li dehret interessanti, għaliex attwalment hu marbut b’kuntratt u impenn, li jmexxi lit-tim ta’ taħt il-15-il sena ta’ Apollon FC f’Ċipru, hekk kif mill-bidu ta’ dan l-istaġun, Schembri beda jikkonċentra fuq il-karriera tal-coaching fil-futbol. Fl-istess waqt l-istess plejer, li lagħab viċin il-mitt partita ma’ Malta, qed jaħdem ukoll fuq proġett ambizzjuz u innovativ għall-futbol Malti, bl-isem ta’ Traainer.

Il-kumpanija televiżiva li responsabbli mill-Premier League Ingliż, diġa’ għandha Malti bħala opinjonista

George Micallef hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa kummentaturi sportivi li qatt kelna f’pajjiżna u minn dan l-istaġun qed ikun mistieden okkażjonali ta’ programm ta’ analiżi li tipproduċi l-Premier League fl-Ingilterra għall-istazzjonijiet kollha fid-dinja li għandhom id-drittijiet esklussivi tal-partiti mill-Kampjonat Ingliż.

Interessanti l-fatt li attwalment hemm Malti ieħor li għandu rwol simili għal dak li kien offrut Schembri fl-Indja, iżda fl-Ingilterra, u marbut mal-Premier League Ingliż. Dan għaliex mill-bidu ta’ dan l-istaġun, il-kumpanija responsabbli mill-Premier League u l-branding ta’ dan l-akbar Kampjonat tal-futbol fid-dinja, għażlet lill-eks producer ta’ Replay, George Micallef biex ikun wieħed mill-opinjonisti u mistiedena okkażjonali tal-programm li jixxandar madwar id-dinja kollha, ‘Premier League Today’. Dan il-programm jixxandar fuq l-istazzjonijiet kollha li f’pajjiżhom għandhom id-drittijiet esklussivi tal-partiti mill-Premier League, iġifieri kif għandhom f’Malta l-istazzjonijiet TSN. Matul dan l-istaġun, Micallef diġa’ ipparteċipa kemm il-darba f’dan il-programm, b’interventi awdjo-viżivi, b’analiżi u opinjoni dwar l-iżvolġiment tal-Premier League fl-Ingilterra.