Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija multinazzjonali AstraZeneca ħareġ jiddefendi l-produzzjoni u ‘l-introduzzjoni fis-suq’ tal-vaċċin għal kontra l-Covid-19. Dan wara li diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kritikaw qatta bla ħabel lill-kumpanija minħabba l-intoppi attwali fil-mezzi li jissupplixxu lill-pajjiżi bid-dożi tal-vaċċin inkwistjoni.
Pascal Soriot qal, waqt intervista lill-gazzetta Taljana La Repubblica, li l-AstraZeneca qed taħdem ‘għal 24 siegħa kujljum’ biex ittejjeb l-issues tal-produzzjoni tal-vaċċin meta l-produzzjoni ‘waqgħet lura b’xahrejn miż-żmien previst oriġinarjament’.
Madankollu, Soriot qal ukoll li l-fatt li l-Unjoni Ewropea deċidiet ‘tard’ biex tiffirma l-kuntratti irriżulta ‘fi żmien limitat biex wieħed jirranġa l-problemi relatati mal-mezzi tad-distribuzzjoni.’
Għall-kuntrarju – u skont ma sostna Soriot – il-kuntratt mar-Renju Unit għad-distribuzzjoni tal-vaċċin kien iffirmat tliet xhur qabel il-kuntratt li ġie ffirmat mal-Unjoni Ewropea u dan ippermetta għal aktar żmien biex jitranġaw numru ta’ problemi (dejjem fil-każ tar-Renju Unit).
Il-problemi li qed jaffettwaw ‘l-ispinta tal-produzzjoni tal-vaċċin’ huma dovuti għal żewġ faċilitajiet tal-AstraZeneca – waħda fl-Olanda u l-oħra fil-Belġju. Dan waqt li l-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija spjega li ‘l-ewwel fażi tal-produzzjoni li tinvolvi numru ta’ issues hi partikularment ikkumplikata f’sitwazzjoni ta’ emerġenza fuq dan il-livell’.
Soriot kompla li filwaqt li jixtieq ħafna li l-produzzjoni titjieb fuq il-livelli kollha, wieħed irid iżomm f’moħħu dejjem li l-kumpanija mhi żżomm lura minn xejn biex twassal il-miljuni ta’ dożi tal-vaċċin lill-Ewropa u li ‘żgur ma jistgħux jitqiesu bħala ammont żgħir’.
Pascal Soriot qal ukoll li l-AstraZeneca qed taħdem fuq vaċċin mal-Università ta’ Oxford bil-għan li dan jikkonċentra partikularment fuq il-varjant tal-coronavirus li ġej mill-Afrika t’Isfel. Ix-xjenzati wissew li teżisti possibbiltà li ‘il-varjant Afrikan’ inaqqas mill-effettività tal-vaċċini li ħarġu diġà fis-suq.
Filwaqt li l-vaċċin tal-AstraZeneca qed tintuża diġà fir-Renju Unit, din għad trid tkun approvata mill-Unjoni Ewropea li, f’Awwissu, iffirmat ftehim għal 300 miljun doża – b’għażla li tinvesti f’100 miljun doża oħra. L-Unjoni kienet ittamat li, ladarba tingħata l-approvazzjoni, id-distribuzzjoni tkun tista’ tibda minnufih, b’xi 80 miljun doża jaslu fis-27 Stati membri sa Marzu.
L-Unjoni Ewropea, fl-istess ħin, ordnat mas-600 miljun doża tal-vaċċin tal-Pfizer-BioNTec li diġà qed jingħata lill-pazjenti fil-pajjiżi tal-Ewropa.Madankollu, kelliema għall-Pfizer qalu li qed iżommu lura l-kunsinni għal dawn il-ġimgħat minħabba x-xogħol li għaddej bħalissa biex tiżdied il-kapaċità tal-faċilità tal-kumpanija fil-Belġju.
Għalissa, ir-reazzjoni tal-UE għal dan id-dawmien hi l-indikazzjoni li tista’ tillimita l-esportazzjoni tal-vaċċini li qed ikunu manifatturati f’uħud mill-pajjiżi membri.
L-aħħar statistika dwar il-pandemija, fl-aħħar sigħat, żvelat li ‘il fuq minn 100 miljun persuna madwar id-dinja spiċċaw infettati bil-Covid-19 f’dawn it-12-il xahar minn kemm ilha li faqqgħet il-pandemija fil-belt Ċiniża ta’ Wuhan.
Intant, fl-Istati Uniti, nhar l-Erbgħa, gew irreġistrati 142,000 kaz gdid u kważi 4,000 vittma f’gurnata wahda.
Sar magħruf ukoll li l-pajjizi li ħasbu li kienu raw l-agħar tal-pandemija kollha qed ikollhom jirrevedu l-politika tagħhom u l-mizuri restrittivi. Fost dawn hemm il-Gappun, li issa se jestendi l-istat tal-emerġenza fit-territorji tiegħu.
Ir-Renju Unit, fl-aħħar sigħat, ikkonferma li r-residenti Britanniċi li jaslu lura l-Ingilterra minn pajjiżi jew zoni indikati bħala Covid hotspots se jkollhom jgħaddu minn perjodu ta’ kwarantina fil-lukandi. L-alloġġjar irid isir għall-ispejjeż tagħhom u l-kwarantina għandha ddum għal minimu ta’ għaxart ijiem biex ikun ċert li n-nies jirrispettaw ir-regoli tas-sigurtà fid-dawl tal-pandemija.
Il-miżura għandha tapplika għan-nies li jkunu qed jirritornaw minn diversi pajjiżi tal-Amerika t’Isfel, il-Portugall u l-pajjiżi Afrikani tan-nofsinar, fost l-inkwiet dwar il-varjanti ġodda tal-virus.
Il-parti kbira tat-turisti minn dawn il-pajjiżi u zoni huma diġà projbiti milli jidħlu fir-Renju Unit.
//= $special ?>