Futbol Sport

FILMAT | Ir-rivalità bejn Ħamrun Spartans u Valletta fis-snin 80 u l-bidu tas-snin 90

Illejla Ħamrun u Valletta jiltaqgħu f’logħba diretta u importanti, b’memorji ta’ wieħed mill-isbaħ żminijiet tal-futbol Malti

Illejla fis-6:30pm, se jkun qed jintlagħab wieħed mill-konfronti l-aktar klassiċi tal-futbol Malti, bejn tnejn mir-rivali ‘l kbar tas-snin 80 u l-bidu tas-snin 90; Ħamrun Spartans u Valletta. Għal diversi snin, din il-partita naqset xi ftit mill-antagoniżmu sportiv ta’ bejn it-tnejn, sforz il-fatt li wara li wara li fl-istaġun 1990/91, Ħamrun, li f’dak iż-żmien kien taħt il-Presidenza tal-mibki Victor Tedesco, rebħu l-aħħar Kampjonat Premier tagħhom fl-istorja, l-iSpartans ma baqgħux kompetittivi għall-unuri daqs kemm kienu Valletta.

Madankollu fl-istaġun 2018/19, ir-rivalità bejn dawn it-tnejn reġgħet bdiet tikber, speċjalment meta fl-aħħar logħba tal-Kampjonat Premier, Valletta kellhom bżonn rebħa biex isiru champions, kien imisshom jilgħabu kontra Ħamrun, u fid-90 minuta l-iSpartans kienu skorjaw il-gowl tad-dro li fisser li momentarjament ċaħħad lill-Beltin mir-rebħ tal-Kampjonat f’dak l-istaġun, u dan għaliex ir-riżultat miksub minn Valletta kontra Ħamrun kien ifisser li kien se jkollhom jilgħabu decider kontra Hibernians għal min se jkun rebbieħ tal-Kampjonat Premier. Eventwalment Valletta kienu rebħu d-decider ġimgħa wara kontra l-Paolisti, wara l-għoti tal-penalties.

Illum, b’Ħamrun immexxija mill-imprenditur Għawdxi, Joseph Portelli u klabb aktar kompetittiv minn qatt qabel, tant li attwalment jinsab fl-ewwel post tal-klassifika, b’tnax-il punt vantaġġ fuq Valletta, iżda lagħbu żewġ partiti aktar mill-Beltin.

Servizz mill-arkivji ta’ Replay li jirrakonta r-rivalità sabiħa u sportiva bejn Ħamrun Spartans u Valletta

F’Novembru tal-2016, il-producer ta’ Replay, Christian Micallef kien ipproduċa wieħed mill-isbaħ servizzi mis-serje popolari ‘Eku tal-Passat’ li jirrakonta r-rivalità sabiħa u sportiva bejn Ħamrun Spartans u Valletta, fis-snin 80 u l-bidu tas-snin 90. Dan is-servizz għandu rakkont ħaj ta’ Gejtu Debattista, Ħamruniż, li kien wieħed mill-eqreb persuni tal-eks President tal-iSpartans, Victor Tedesco, u Joe Caruana Curran, eks President ta’ suċċess ta’ Valletta. Is-servizz, b’muntaġġ u rakkonti ħelwin, jirrakonta r-rivalità ta’ bejn il-ħbieb fil-futbol, minkejja li kienu rivali, u jirrakonta ukoll x’relazzjoni tajba u eżemplari li kien hemm bejn iż-żewġ Presidenti ta’ dak iż-żmien, Tedesco u Valletta.

Agħfas hawn biex tara dan is-servizz.