Lokali Parlament

Il-Gvern kien intrabat li jagħmel inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Miriam Pace; issa għandu jżomm kelmtu

Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li fil-Kumitat Parlamentari għax-Xogħol tal-Kamra, il-Gvern kien intrabat li jagħmel inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Miriam Pace; issa għandu jżomm kelmtu.

Fil-parlament Robert Cutajar staqsa jekk għaddietx il-liġi dwar l-istorbju u jekk sarux il-konsultazzjonijiet li kellhom isiru fl-2019. Hu kompla li Malta tpoġġiet bħala l-iktar pajjiż li għandu problema ta’ storbju li jikkaġunaw ħsara lill-bniedem. Dan flimkien mal-Olanda u l-Ġermanja.

Wieħed minn kull erba’ tal-popolazzjoni lmentaw fl-2019 li s-sitwazzjoni preżenti hi waħda diffiċli. Hu semma’ t-traffiku u qal li din problema persistenti u qed tikkaġuna problemi ta’ storbju. Il-kostruzzjoni qed tikkontribwixxi għall-ħsejjes kbar fil-komunità.

Id-deputat Nazzjonalista staqsa jekk Malta hix timxi skont iddirettivi tal-UE dwar l-istorbju fl-infurzar meħtieġ. Hu staqsa kemm il-poplu qed ikun informat u konsultat dwar il-ħsejjes.

Id-deputat Nazzjonalista sostna li l-PN jemmen fi żvilupp sostenibbli u mhux kontra l-industrija tal-kostruzzjoni. Hu tkellem dwar il-kwalità tal-arja u qal li Malta hi fost il-pajjiżi li għandhom problemi kbar f’dan ir-rigward. Qed jittieħdu l-prekawzjonijiet u l-monitoraġġi meħtieġa fis-siti li qed joħolqu l-problemi?

Id-deputat Nazzjonalista qal li kull fejn hemm ammont kbir ta’ kostruzzjoni, it-tobba qed ikollhom numru mhux żgħir ta’ pazjenti li jkollhom problemi ta’ nifs. Il-pajjiż qed ifalli, sostna Robert Cutajar, li appella għal impenn kollettiv.

Il-kostruzzjoni għandha tavvanza f’qasam ta’ regoli li jkun jixraq għall-pajjiż, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li hawn min jaħseb li jista’ jabbuża mir-regoli u jikkaġuna problemi għan-nies.

L-Awtorità għandha tingħata l-għodda biex tirnexxi. Jeħtieġ treshold fil-livell tal-ħsejjes u jsir investiment fit-teknoloġija biex il-livelli jittieħdu. Jeħtieġ nies imħarrġa għas-sorvelja u l-infurzar tax-xogħlijiet. In-nies għandhom dritt li jgħixu fis-sigurtà fi djarhom.

Hu tkellem dwar ir-regoli li ma jħarsux l-interess tal-persuni bi bżonnijiet speċjali fil-lokalitajiet fejn ikun hemm il-kostruzzjoni għaddejja. Bħala eżempju Robert Cutajar semma’ binja li qed issir fix-Xemxija fejn hemm diffikultajiet ta’ sigurtà u perikli.

Hu semma’ każ ta’ Ombudsman fl-2017fejn fżoni turistiċi kien qed jinġarr id-debris bit-trakkijiet bla konsultazzjoni mar-residenti fejn il-konklużjonijiet tal-Ombudsman kienu li ma kienx hemm reazzjoni mill-uffiċjali li jirregolamentaw il-bini (BRO).

Din hi arroganza, sostna Robert Cutajar, li kompla li fil-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra l-Gvern kien iddikjara li kien se jtella’ l-mozzjoni tal-PN dwar il-mewt ta’ Miriam Pace fil-parlament; issa għandu jżomm kelmtu.