Lokali Parlament

Il-parlament ifakkar l-Olokawst; proposta mill-PN għal tifkira nazzjonali

Il-parlament fakkar l-anniversarju tal-Olokawst bil-PN jipproponi li dan il-jum jibda’ jitfakkar fuq livell nazzjonali u b’seduta sħiħa tal-parlament.

Fit-tifkira tal-bieraħ tkellmu l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo u d-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia sellem lill-mara Maltija li fl-aħħar gwerra kienet tgħix Ruma u flimkien ma’ Monsinjur Irlandiż irnexxileha tħarrab iktar minn 2,000 Lhudi minn Ruma.

Malta dejjem kienet ħanina mal-poplu Lhudi kemm fi żmien ir-Rumani u anki meta Spanja keċċiet lil-Lhud kollha li ħafna minnhom ġew Malta. Hu tkellem ukoll dwar ir-relazjzonijiet tajbin u msaħħa bejn Malta u Iżrael.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qal li kulħadd għandu jżur il-kampjiet tal-konċentrament għaliex din hi esperjenza li minnha hemm ħafna tagħlim x’jittieħed.

F’dawn il-kampjiet kienu maħruqa miljuni ta’ nies, fejn minbarra s-sitt miljun Lhudi meqruda inqatlu 11-il mijun oħra. Hu sellem lil dawk li għinu biex in-nies jeħilsu mill-qerda; minn dawn kien hemm 27,000 li ssugraw ħajjtihom biex ħaddieħor ma jinqatilx.

Il-Ministru Bartolo qal li l-bniedem għandu ġo fih in-Nażisti jew dawk li jeħilsu lin-nies; jiddependi min jirbaħ minnhom. L-aħjar mod kif jitfakkru dawn in-nies hu li naħdmu għal dinja ta’ ġustizzja għal kulħadd, sostna l-Ministru Bartolo.

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal li r-reġim li wettaq dan il-ġenoċidju kien wieħed żbaljat tal-lemin estrem u sostna li dawk li wettquh ħasbu li m’hemmx dinjità umana; flok qalu le lill-ħażen saru huma stess il-ħażen.

Hu kompla li d-dinja demokratika Ewropea llum tieqaf biex tfarrak is-sitt miljun Lhud maqtul u l-miljuni l-oħra li nqatlu minħabba r-razza. Irridu nassigruaw li dan ma jseħħx mill-ġdid, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li jekk il-popli jinsew u ma jitkellimx ikunu qed isiru kompliċi.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li jeħtieġ iktar edukazzjoni u informazzjoni biex dak li seħħ ma jirrepetix ruħu u mhux il-politiċi ma jsirux strument ta’ anti-ċivilità.

Hu ppropona lis-sena d-dieħla ssir seduta sħiħa tal-parlament, jinġiebu nies li salvaw l-Olokawst u tgħaddi liġi biex din il-ġurnata tingħata dimensjoni nazzjonali.