Lokali Parlament

Il-parlment qed jitlef ir-rilevanza tiegħu; jeħtieġ riforma ħolistika fuq bażi demokratika

Clyde Puli, PN

Id-deputat Nazzjonalista Clyde Puli sostna li l-parlament qed jitlef ir-rilevanza tiegħu u għalhekk jeħtieġ riforma ħolisitika fosthom dik li d-deputati jsiru full-time biex ikollhom ir-riżorsi neċessarji biex jaħdmu għall-poplu.

Fil-parlament Clyde Puli qal li l-parlament qed jingħata daqqa ‘l isfel għax m’għadux rilevanti fid-dibattiti li qed isiru. Hu appella biex issir riforma ħolisitika fejn id-deputati jsiru full-time u jkollhom ir-riżorsi neċessarji biex jagħmlu diskorsi riċerkati. Il-parlament għadu wisq tad-dilettanti, sostna Clyde Puli, li kompla li l-poter m’għandux jingħata f’idejn il-kumpaniji għaliex dan ikun ta’ periklu għad-demokrazija.

Hu tkellem ukoll dwar l-importanza li n-nisa jipparteċipaw fil-politika billi dawn jikkontestaw, ikunu eletti u jibqgħu jikkontribwixxu fil-politika. Hu qal li jekk wara 20 snea, ir-riformi proposti ma jkunux taw ir-riżultati mixtieqa allura dak li qed isir llum ikun qed isir għalxejn.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li fir-rapport tal-Kummissjoni Elettorali diskuss fil-parlament hemm ċaqlieq fi-distretti li ma jagħmilx sens fosthom fejn fis-6 u s-7 distretti hemm qsim ta’ partijiet mill-komunità. Hu qal li hu ma jaqbel mal-ebda rapport li tressaq mill-Kummissjoni għaliex is-sistema politika hi skjav ta’ formola matematika li flok taqdi l-politika, qed taqdi lill-istess matematika.

Id-deputat Nazzjonalista sostna li jeħtieġ distretti li jkunu saru bi ħsieb u li jsiru darba waqt li jkollhom portata politika storika, soċjali u kulturali b’lokalitajiet li jaqblu ma’ xulxin u għandhom l-istess tendenzi.

Hu qal li wara li jitwettqu dawn il-prinċipji. tidħol il-matematika. B’din is-sistema proposta mhux kull distrett għandu jtella’ l-istess numru ta’ deputati; din hi loġika.

Id-deputat Nazzjonalista sostna li m’għandhomx jibqgħu jitkissru lokalitajiet biex jingħaqdu n-numri tal-elettorat; il-politika trid issir b’mod serju. Din is-sistema proposta toħloq iktar stabbiltà u kjaraezza. Il-politiku jrid jibqa’ jżomm il-kuntatt man-nies, sostna Clyde Puli, li kompla li d-deputati u l-poplu jridu jkunu jafu lil xulxin.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li hu mhux marbut ma’ 13-il distrett li sostna li dan il-kunċett kien diġà implimentat f’Għawdex. Hu tkellem dwar kif jitilgħu d-deputati fil-parlament minħabba l-alfabett u qal li issa hemm min anki qed jagħżel il-kunjomijiet biex ikun fuq fil-lista. Hemm sistema li tista’ tintuża’ fejn il-kandidati jitħalltu u b’hekk jispiċċa l-element tal-fortuna.

Clyde Puli qal li jagħmel sens li tinbidel din is-sistema preżenti biex din tkun iktar ġusta; is-sitema mhix ħażina u min qed imur għal sistema inqas demokratika u inqas tal-poplu jrid jifhem x’qed jagħmel b’idejh. Is-sistema tajba hi dik demokratika u din trid titħaddem tajjeb bir-regoli li jridu jsiru. Is-sistema għandha ttitħaddem b’ġustizzja biex tagħti iktar rilevanza lil dan il-parlament.