Lokali Parlament

Il-poplu ħallas €10.1 miljuni iktar f’xiri ta’ enerġija minħabba l-ftehim li għamel il-Gvern… f’sena u nofs

Jirriżulta li f’sena u nofs, il-pajjiż ħallas €10.1 miljuni iktar għall-enerġija minħabba ħlas żejjed ta’ €50 kull megawatt hour minħabba l-ftehim li għamel il-Gvern li fih kellu jixtri mill-Electrogas flok mill-interconnector.

Dan il-fatt irriżulta mir-rapport tal-Awditur Ġenerali (NAO) li kompla jkun diskuss waqt laqgħa oħra tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC)

Għall-Gvern ipparteċipaw il-Whip Laburista Glenn Bedingfield, il-Ministru Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat u d-deputat Laburista Ian Castaldi Paris.

L-Oppożizzjoni kienet rappreżentata mid-deputati Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina u Ryan Callus. Il-Kumitat hu ppresedut mid-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.

L-uffiċjal tal-NAO Keith Mercieca qal li meta l-Kummissjoni Ewropea tat l-approvazzjoni li ma kienx hemm ostakoli biex jingħalaq il-proċess u għalhekk sar il-ftehim li jbiddel ir-rwol tal-Electrogas u tal-Gvern dwar is-supply tal-gass biex ikun hemm interconnector gas pipeline ieħor biex il-Gvern ikun qed jissupplixxi l-gass lill-Electrogas. Din hi bidla sostanzjali bejn il-Gvern u s-supplier.

Dak li ħassibna l-aktar dwar dan l-arranġament kien li jintrabtu flimkien l-enerġija mal-gass. Dawn setgħu faċilment jiġu separati; id-disinn tiegħu inkwetatna. Għall-fini ta’ kompetizzjoni dwar kien ikun aħjar, sostna l-uffiċjal tal-NAO, li kkonferma li dan il-ftehim kien qed ixekkel il-kompetizzjoni; dan mhux fl-interess tal-Gvern.

Fil-laqgħa l-Awditur Ġenerali qal li huma jistaqsu għaliex dawn iż-żewġ setturi ingħaqdu flimkien bil-konsegwenza li l-Gvern ma kienx fl-aqwa pożizzjoni biex ikun akkwistat il-gass.

Mistoqsija mid-deputat Nazzjonalista Ryan Callus dwar iż-jara fl-Ażerbajġan u l-ftehim mas-SOCAR, l-Awditur Ġenerali qal li ma investigawx dak li seħħ f’dawn il-laqgħat.

Jirriżulta li l-ftehim dwar ix-xiri tal-gass mill-Gvern kien itterminat sentejn wara fejn il-garanzija tal-Gvern ma kienitx baqgħat bżonnjuża għaliex Electorgas ġabu finanzjarjament permanenti fl-2017.

Dwar il-fatt li l-pajjiż tilef il-flus mill-UE għax m’għamilx il-gas pipline, l-uffiċjal tal-NAO qal li jifhem li jkompli għaddej il-ftehim. L-NAO kkritika dan il-fatt u sostna li l-Enemalta qalet li riedet titfa’ r-riskju tas-supply tal-gass fuq il-kuntrattur.

Fir-rapport l-NAO qal ukoll li l-pajjiż ma ħax l-aqwa deal. Jekk il-pajjiż ma jixtrix l-enerġija mill-Electrogas, hemm penali ta’ 80% tal-konsum ta’ sena. L-Awditur Ġenerali ikkummenta li kif sar il-kuntratt, il-Gvern jitlef il-kawża “hands down ” jekk din issir.

L-Awditur kkonkluda li l-Gvern ħa deċiżjoni żbaljata li jgħaqqad il-kuntratti li biha l-Enemalta tilfet il-flus u li ttellfet il-kompetizzjoni. Wara l-RFP inbidlu l-kundizzjonijiet u l-poplu kiseb ftehim ħażin.

L-Awditur qal li l-proċess seta’ kien disinjat differenti. Kieku sar ippjanar aħjar ma kienx ikun hemm garanzija tal-Gvern, sostna l-Awditur Ġenerali, li qal li r-rapport mhux abjad kollu, kien fin-nofs iżda kien hemm aspetti li setgħu saru aħjar.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami irrimarka li f’Malta probabbilment sar il-qtil politiku tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia propju minħabba l-ftehim tal-power station. Kull bniedem f’Malta jaslu għal dawn il-konklużjonijiet; inqatlu n-nies minħabba dan il-kuntratt u intom tiddefendi lill-kriminali u lil Keith Schembri sa dan il-mument, sostna Beppe Fenech Adami.

L-Awditur Ġenerali qal li r-rata ta’ Delimara 4 hi fissa waqt li tal-interconnector tvarja b’mod sistematiku fejn filgħodu jkun għoli u matul il-lejl ikun irħis ħafna. Hu qal li l-Enemalta għandha tkun attenta kif u meta tixtri l-enerġija. Jirriżulta li l-Enemlata m’għandhiex il-libertà li tixtri l-irħas enerġija dejjem; lill-Electrogas trid tħallashom dejjem.

Jirriżulta li, f’sena u nofs, il-pajjiż ħallas €10.1 miljuni iktar għall-enerġija minħabba ħlas żejjed €50 żejda kull megawatt hour minħabba l-ftehim li għamel il-Gvern li fih kellu jixtri mill-Electrogas flok mill-interconnector. Dan ifisser li bla fatt il-kontijiet setgħu roħsu b’€10 miljuni oħra. L-Electrogas hi mhix tal-Maltin iżda hi biss ta’ ftit Maltin u taċ-Ċiniżi.

Jirriżulta mir-rapport tal-NAO li kien hemm 35 ġimgħa minn sena, li fihom l-Enemalta kienet qed tixtri iktar meta l-prezz jgħola u inqas meta l-prezz jonqos.

Il-kumitat aġġorna għal data oħra.