Lokali

Il-President George Vella jisħaq fuq il-ħtieġa li neżerċitaw kontroll demokratiku fuq xulxin

“Huwa billi wieħed jibda jiżżerżaq għan-niżla bil-mod li eventwalment iżid fil-veloċità u r-ritmu. Aktar ma wieħed jitħalla jiżżerżaq ‘l isfel, aktar ikun diffiċli li jitwaqqaf. Sfortunament, hemm ħafna istanzi madwarna li jagħtuna indikazzjonijiet ċari li, jekk ma noqogħdux attenti, l-affarijiet se jsiru iktar immorali u iktar inaċċettabbli. Ejjew nieħdu din l-okkażjoni sabiex nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inwaqqfu u nsemmgħu leħinna kontra dak kollu li jista’ jwassalna biex numiljaw u nitrattaw b’nuqqas totali ta’ rispett lil bnedmin bħalna”

Hekk saħaq il-President ta’ Malta Geoge Vella lill-membri tal-komunità Lhudija f’Malta fil-Palazz ta’ Sant’Anton, waqt ċerimonja annwali ta’ tifkira li torganizza l-presidenża fl-anniversarju tal-liberazzjoni tal-priġunieri li kienu għadhom ħajjin fil-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz fis-27 ta’ Jannar tas-sena 1945.

Il-President ta’ Malta George Vella wissa li, ġaladarba l-bnedmin kollha huma suxxettibbli li jinżlu fl-agħar livelli tal-immoralità bħall-Olokawst, irridu nżommu għajnejna fuq xulxin u neżerċitaw kontroll demokratiku reċiproku. Waqt li rrimarka li, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar ikun hemm il-bżonn li nfakkru din il-ġrajja, huwa ddefinixxa ċ-ċaħda tal-Olokawst bħala att kriminali peress li l-konoxxenza dwar dan il-perjodu orribbli tal-istorja tal-umanità jimponi fuqna ċerti responsabbiltajiet.

Għalkemm ix-Shoah kienet relatata l-aktar mal-Lhud, George Vella wissa li dak li ġara lil-Lhud Ewropej jista’ jiġri lil kulħadd u, fil-fatt, hekk ġara – minkejja li fuq skala ferm iżgħar u f’ċirkustanzi differenti.

“Irridu nammettu li, sfortunatament, l-umanità ma ħaditx lezzjonijiet mix-Shoah. Tgħallmet ma tużax l-istess metodi iżda ma tgħallmitx ma tippersegwitax, ma tumiljax, u ma tniżżilx popolazzjonijiet sħaħ għarkopptejhom, imċaħħdin mill-aktar drittijiet bażiċi tal-bniedem, li jkollhom jittallbu għall-ikel u għall-kenn qabel ma jmutu bil-ġuħ. Għas-Sonderkommandos tan-Nażisti, l-aktar arma effettiva kienet iz-Zyklon B. Illum, l-aktar armi effettivi huma l-armamenti u l-munizzjonijiet
użati biex irażżnu popolazzjonijiet sħaħ. Biljuni ta’ dollari jintefqu b’mod speċifiku għall-akkwist ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir. Dan huwa l-ħatab meħtieġ biex iżomm il-ħuġġieġa tal-gwerra taqbad u biex in-nies ikomplu jiddominaw, iżommu nies oħrajn taħt saqajhom, iċaħħdu lil eluf u eluf ta’
persuni ċivili mid-dritt tagħhom li jgawdu l-libertà, bil-premessa ta’ xi kawża ivvintata jew oħra”
, qal il-President.


Il-komunità Maltija-Lhudija li attendiet kienet immexxija mill-President tal-komunità Reuven Ochayon. Ir-Rabbi tal-komunità, Chaim Shalom Segal, għadda messaġġ qasir u qal talba talokkażjoni. It-tifkira ntemmet b’kunċert żgħir bil-vjolin u l-vjolinċell.

Wieħed jista jinnota li l-ġemgħa li nġabbret għal din iċ-ċerimonja kellha tkun limitata ħafna fin-numru minħabba r-restrizzjonijiet marbutin mal-COVID-19.