Internazzjonali

Il-Vatikan: Il-Papa Franġisku jwissi kontra l-estremiżmu ideoloġiku

Il-Papa Franġisku fakkar is-76 anniversarju tal-liberazzjoni tal-kamp tal-konċentrazzjoni ta’ Auschwitz ( fil-Polonja) bi twissija biex in-nies joqgħodu attenti mill-qawmien tal-estremiżmu ideoloġiku.Hu sostna li ‘il-passat ikrah kapaċi jirrepeti ruħu fil-futur’ u li s-soċjetà ma għandha qatt tinqabad fuq sieq waħda quddiem il-periklu tan- nazzjonaliżmu radikali.

Meta tkellem waqt l-udjenza ġenerali — li saret fil-librerija tal-Vatikan minħabba r-restrizzjonijiet tal-coronavirus — il-Papa insista bl-importanza li d-dinja ma tinsa qatt ir-reati tal-passat kontra l-umanità  u b’mod partikulari l-Olokawst, li fih inqerdu l-miljuni tal-Lhud.

‘Li niftakru f’dawn il-ġrajjiet jinvolvi espressjonijiet ta’ ċiviltà u rispett lejn il-bniedem, b’tifkiriet bħal dawn għandhom jitqiesu bħala kuindizzjoni għat-tisħiħ tal-paċi u l-fraternità,’ qal il-Papa li kien żar il-kamp ta’ Auschwitz fl-2016.

‘Il fuq minn miljun persuna, fil-parti kbira Lhud, kienu nqatlu fdan il-kamp li kien illiberat mit-truppi tal-eks Unjoni Sovjetika fis-27 ta’ Jannar tal-1945. Il-maġġoranza assoluta tal-vittmi f’dan il-kamp kienu nqerdu fil-kmamar tal-gass.

In-Nażisti u l-alleati tagħhom qatlu miljuni tal-Lhud u membri ta’ minoranzi fl-Ewropa li kienet okkupata mill-qawwiet tal-eks dittatur Adolf Hitler bejn l-1939 u l-1945.